Fl-Amerika: Ma kienx ingħata l-ebda ċans li jibqa’ ħaj… jiċċelebra l-ewwel għeluq sninu

L-iktar tifel li twieled b’mod prematur fid-dinja ċċelebra l-ewwel għeluq sninu minkejja li kienu qalu li l-possibbiltà li jibqa’ ħaj kienet ta’ 0%.

Din hija l-istorja ta’ Richard Scott William Hutchinson li twieled ħames xhur qabel iż-żmien mistenni. Meta twieled kien jiżen inqas minn nofs kilo.

Huwa kien rikonoxxut bħala l-iktar tarbija prematura fid-dinja u t-tobba kienu ppreparaw lill-ġenituri għall-agħar xenarju.

Issa li dan ix-xahar iċċelebra l-ewwel għeluq sninu, skont il-Guinness World Records huwa sar l-iktar tarbija prematura li baqgħet ħajja.

Richard twieled fl-isptar tat-Tfal ta’ Minnesota f’Mineapolis wara li ommu, Beth Hutchinson, sofriet kumplikazzjonijiet mediċi u minħabba f’hekk ġiet kostretta li tidħol għall-ħlas. Meta twieled, il-ġenituri tiegħu setgħu jżommuh f’id waħda daqs kemm kien żgħir. Apparti minn hekk, kien tant irqiq li saħansitra bdew jidhru l-kustilji kollha.

Lura f’Diċembru 2020, wara li qatta’ aktar minn sitt xhur l-isptar, Richard seta’ jmur id-dar mal-familja tiegħu. Dan ix-xahar, Richard seta’ jiċċelebra l-ewwel għeluq sninu mdawwar bil-familja u t-tliet iklieb tagħhom.

Share With: