€8 miljun f’ċentru ġdid ta’ kura paljattiva f’Santa Venera

Ġie ffirmat ftehim li permezz tiegħu se jkunu jistgħu jsiru x-xogħlijiet f’ċentru ġdid ta’ kura paljattiva f’Santa Venera, liema ċentru se jkun immexxi minn Hospice Malta u se jingħata l-isem ta’ St. Michael Hospice. Dawn ix-xogħlijiet mistenni li jsiru b’investiment ta’ €8 miljun mogħtija mill-Fond Soċjali u ta’ Żvilupp Nazzjonali (NDSF).

L-iffirmar tal-ftehim bejn il-Hospice Malta u l-NDSF sar fil-preżenza tal-Prim Ministru Robert Abela u s-Segretarju Parlamentari għaċ-Ċittadinanza u l-Komunitajiet Alex Muscat. F’isem il-Hospice Malta ffirmaw iċ-Ċerpersin Bernadette Bonnici Kind u Dr Oriella de Giovanni filwaqt li f’isem l-NDSF iffirma l-Kap Eżekuttiv Raymond Ellul.

Fid-diskors tiegħu, il-Prim Ministru Abela qal li dan il-ftehim juri kemm dan il-Gvern tassew qiegħed ikompli jinvesti fin-nies, f’mumenti fejn il-familja u l-qraba jistħoqqilhom ikunu fl-aqwa ambjent mal-pazjent biex jagħtu s-sostenn lil xulxin.

“Kulħadd konxju tat-toqol fiżiku u emozzjonali li ġġib magħha l-kura paljattiva b’dan il-proġett qed nipprovaw intaffu kemmxejn billi nappoġġjaw il-ħidma imprezzabbli ta’ Hospice Malta, ħidma ma’ 1,300 familja fis-sena. 

“Waqt li s-sistema tas-saħħa pubblika tagħti servizz mill-aqwa, dan hu servizz li se jkun daqstant importanti. Permezz ta’ dan il-kumpless, se jkun offrut servizz speċjalizzat f’ambjent state-of-the-art, li se jbiddel il-kura paljattiva f’pajjiżna minn dak li nafuh illum,” tenna l-Prim Ministru Abela. 

Huwa żied jgħid li l-aktar fattur għal qalbu f’dan il-proġett huwa l-in-patient unit. B’dan se jagħmilha possibbli li persuni li ma jkunux jistgħu jibqgħu jgħixu fi djarhom minħabba s-sitwazzjoni ta’ saħħa tagħhom u ma jkunux għadhom qed jirċievu kura mill-isptar, ikunu jistgħu jmorru hemm u jingħataw kura paljattiva f’ambjent tad-dar.

Il-Prim Ministru tenna li dan il-proġett jingħaqad ma’ sensiela ta’ proġetti soċjali li qed jitwettqu grazzi għall-NDSF fosthom il-proġett tal-Fondazzjoni Puttinu Cares għal aktar appartamenti fiċ-ċentru ta’ Londra u proġetti oħra ta’ housing soċjali. 

Min-naħa tiegħu, is-Segretarju Parlamentari Alex Muscat qal li dan il-ftehim huwa turija ċara illi l-ġid li qed jinħoloq, qiegħed jasal tassew fil-komunità tagħna. “Għalhekk naħdmu biex inkunu ta’ spalla fejn hemm bżonn għal kull min hu fil-bżonn,” qal Muscat.

Share With: