€5 miljun mill-NDSF biex atleti Maltin iħejju ruħhom għal-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar 2023

Ħames miljun ewro se jgħaddu mill-NDSF għal Sport Malta f’pass li huwa mmirat biex il-Kumitat Olimpiku Malti jkun jista’ jinvesti f’atleti Maltin bi preparazzjoni għal-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar li se jsiru f’pajjiżna fl-2023. L-għajnuna finanzjarja se tingħata lil għaxar dixxiplini sportivi.

Il-ftehim biex jgħaddu dawn il-fondi ġie ffirmat illum miċ-chairman ta’ Sport Malta Luciano Busuttil u l-Kap Eżekuttiv tal-NDSF Raymond Ellul, fil-preżenza tas-Segretarju Parlamentari għaċ-Ċittadinanza u l-Komunitajiet Alex Muscat u s-Segretarju Parlamentari għall-Isport, Rikreazzjoni u l-Għaqdiet Volontarji Clifton Grima. Sport Malta se tinvesti dawn il-fondi fil-Kumitat Olimpliku Malti.

Is-Segretarju Parlamentari responsabbli miċ-ċittadinanza, Alex Muscat, qal li għal darb’oħra, pajjiżna għandu turija ċara ta’ kif il-ġid iġġenerat mill-inizjattivi Maltin ta’ residenza u ċittadinanza qed jissarfu f’ġid li qed jasal fil-komunità. Filwaqt li awgura lill-atleti, sostna l-impenn tas-segretarjat li jibqa’ jattira lejn Malta l-investiment dirett barrani li qed jissarraf f’tant benefiċċji għat-talent Malti.

Is-Segretarju Parlamentari Clifton Grima qal li Sport Malta diġà investiet f’faċilitajiet ġodda li jinkludu kumpless sportiv tal-basketball f’Ta’ Qali, ċentru ġdid tal-isquash fil-Marsa, kumpless ġdid tal-ġudo u ċentru għat-tennis f’Pembroke, flimkien ma’ żewġ pixxini—waħda fil-Kottonera u l-oħra f’San Pawl il-Baħar. Is-Segretarju Parlamentari qal li permezz ta’ dan l-investiment finanzjarju, li se jservi bħala spinta u preparazzjoni għall-atleti Maltin qabel il-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar f’Malta fis-sena 2023, se jkompli jikkonferma kemm il-Gvern huwa ta’ spalla għall-atleti u l-organizzazzjonijiet sportivi u li l-aspirazzjonijiet ta’ tant atleti se jkunu jistgħu jintlaħqu.

Permezz ta’ dawn il-fondi, il-Kumitat Olimpliku Malti jkun jista’ jassisti assoċjazzjonijiet sportivi finanzjarjament, biex fost oħrajn jimpjegaw coaches professjonali fuq bażi full-time flimkien mal-kumplament tal-istaff tekniku neċessarju, jiffinanzjaw il-parteċipazzjoni ta’ atleti Maltin f’kompetizzjonijiet u sessjonijiet ta’ taħriġ barra mill-pajjiż, u jinvestu f’għodda teknika aktar adekwata.

Id-dixxiplini sportivi li se jingħataw l-għajnuna huma: atletika, basketball, ġudo, rugby, ibburdjar, sparar, squash, għawm, table tennis, u tennis. Sport Malta se tgħaddi l-fondi matul it-tliet snin li ġejjin, skont il-ftehim mal-Kumitat Olimpiku Malti, dan f’kuntest li pajjiżna se jkun qed jospita l-logħob għall-pajjiżi ż-żgħar f’Malta, f’Mejju 2023. Sport Malta qed joffri l-appoġġ meħtieġ sabiex atleti Maltin ikunu preparati bl-aħjar mod.

Indirizzaw din il-konferenza wkoll il-Kap Eżekuttiv ta’ SportMalta, Mark Cutajar, u l-Kap Eżekuttiv ta’ NDSF, Raymond Ellul.

Share With: