“Dawk li ħadu gost bid-deċiżjoni tal-bieraħ kontra Malta, mhumiex Maltin vera”

Il-Ministru Bartolo jgħid li l-ġid komuni tal-Maltin u l-Għawdxin għandu jiġi qabel l-interessi partiġġjani

Il-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej Evarist Bartolo qal li dawk li ħadu gost bid-deċiżjoni tal-bieraħ kontra Malta, mhumiex Maltin vera. Żied jgħid li l-ġid komuni tal-Maltin u l-Għawdxin għandu jiġi qabel l-interessi partiġġjani.

Huwa qal dan permezz  ta’ messaġġ fuq il-midja soċjali wara d-deċiżjoni deskritta bħala waħda inġusta tal-bieraħ meħuda mill-Financial Action Task Force (FATF). Il-Ministru Bartolo qal li ma jagħmilx sens li noqgħodu nitħassru lilna nfusna b’li għamlulna u nibku dwar kemm aħna vittmi.

“Nafu li kien jistħoqqilna ferm aħjar. Ħdimna ħafna minn Jannar 2020 ‘l hawn. Infaqna €127 miljun biex ikollna strutturi b’saħħithom kontra l-ħasil tal-flus u l-iffinanzjar tat-terroriżmu. Żidnielhom in-nies b’50%. Ir-riżultati  bdew jidhru. L-investigazzjonijiet kontra l-ħasil tal-flus żdiedu b’90%, il-prosekuzzjoonijiet b’50%, l-ordnijiet investigattivi b’111%. Għamilna ħafna imma għandna aktar x’nagħmlu,” qal Bartolo.

Żied jgħid: “Dak li għandna nagħmlu se nagħmluh, bla ma nfittxu skużi biex ma nagħmluhx. Irridu nimmaturaw u nieħdu ħsieb l-interessi tagħna dejjem.”

Share With: