Aġġornata: Raġel se jitressaq il-Qorti b’rabta mal-omiċidju fil-Marsa

Illum għall-ħabta tan-12.30p.m., se jitressaq il-Qorti raġel b’rabta mal-omiċidju fil-Marsa li seħħ bejn il-Ħamis u l-Ġimgħa.

Huwa se jkun qed jidher quddiem il-Maġistrat tal-Għassa Rachel Montebello

Aktar qabel…

Argument bejn żewġt irġiel tard il-Ħamis filgħaxija wassal biex wieħed minnhom jinqatel b’daqqiet ta’ sikkina. Dan l-ewwel delitt tas-sena seħħ fi Triq it-Tiġrija, il-Marsa, bil-vittma nstab ferut f’għadira demm. 

Kienu għall-ħabta tal-10.00 p.m. meta l-Pulizija kienu infurmati b’argument bejn żewġ persuni u li ntużat arma. Malli l-Pulizija waslu fuq il-post, sabu raġel mixħut wiċċu ‘l fuq mitluf minn sensih u ssejjaħ tim mediku mill-Isptar Mater Dei. 

Il-vittma ttieħed l-isptar, madanakollu huwa ġie ċċertifikat mejjet ftit tal-ħin wara. Mill-investigazzjonijiet illi saru rriżulta li l-vittma, raġel ta’ 23 sena mill-Ghana, kellu tliet daqqiet ta’ sikkina f’sidru.

Bil-każ ġew infurmati l-Pulizija tal-Iskwadra tal-Omiċidji fi ħdan id-Dipartiment tar-Reati Maġġuri, li flimkien mal-Pulizija tar-Rapid Intervention Unit bdiet tfittxija għall-allegat aggressur, wara li anke ngħatat deskrizzjoni tiegħu.

B’din l-informazzjoni f’idejn il-pulizija ġiet identifikata kemm il-persuna kif ukoll ir-residenza tagħha. Kienu għall-ħabta tas-1.30 a.m. meta l-Pulizija ċċirkondaw residenza fi Triq Azzopardi, il-Marsa u daħlu ġewwa. Kien hawn li l-pulizija raw persuna taħrab għal fuq il-bejt, ġrew warajha u l-persuna ġiet arrestata.

Irriżulta li l-persuna arrestata, raġel ta’ 25 sena mill-Ghana wkoll, allegatament huwa s-suspettat ewlieni fid-delitt. Ftit ħin wara, il-Pulizija sabet ukoll l-arma tad-delitt, ħdejn xi siġar fi Triq il-Jum.

L-allegat aggressur ittieħed l-Għassa tal-Ħamrun u wara fil-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija, il-Floriana għal aktar stħarriġ.

Il-Maġistrat tal-Għassa Dr Gabriella Vella qed tmexxi inkjesta, assistiti minn esperti maħtura minnha. 

Aktar qabel: Il-pulizija tinsab għaddejja bi tfittxija għall-aggressur tal-ewwel omiċidju għal din is-sena.

Il-każ seħħ il-Ħamis filgħaxija għall-ħabta tal-10:00 p.m fi Triq it-Tiġrija fil-Marsa.

Fil-post issejħet ambulanza u tim mediku li assistew lill-vittma li sfortunatament ġie ċċertifikat mejjet ftit minuti mill-wasla tiegħu fl-Isptar Mater Dei.

Jidher li r-raġel nqatel b’daqqiet ta’ sikkina. Xhieda li kienu fuq il-post allegatament għenu lill-pulizija biex jiġi identifikat l-aggressur u minnufih skattat it-tfittxija fiż-żona.

Aktar informazzjoni kif taslilna…

Share With: