Aġġornat: Malta titpoġġa fuq il-lista l-ħadra tar-Renju Unit

Persuni li jaslu mir-Renju Unit iridu jippreżentaw ċertifikat tal-vaċċin

Ritratt: Roger Azzopardi

Fl-aħħar ħin tħabbar li Malta tpoġġiet fuq il-lista l-ħadra tal-Ingilterra, l-Irlanda ta’ Fuq, u l-Iskozja.

Kienet l-Irlanda ta’ Fuq l-ewwel waħda li llejla ħabbret li Malta tpoġġiet fuq il-lista l-ħadra flimkien ma’ pajjiżi oħra fosthom Madeira, Grenada u Montserrat.

Issegwi lill-Irlanda ta’ Fuq kien hemm l-Iskozja li ftit tal-ħin wara wkoll ħabbret li Malta se tiżdied fil-lista l-ħadra tal-pajjiż.

Proprju ftit tal-ħin ilu, l-Ingilterra wkoll ħabbret li qed iżżid lil Malta fil-lista l-ħadra.

B’dawn il-bidliet ifisser li dawk il-persuni li jiġu f’Malta m’għandhomx għalfejn josservaw il-perjodu ta’ kwarantina mal-wasla tagħhom fir-Renju Unit.

Tħabbar li l-bidliet se jidħlu fis-seħħ mill-4a.m. tat-30 ta’ Ġunju.

Din l-aħbar kienet ferm mistennjia hekk kif qabel il-pandemija, eluf ta’ turisti kienu jiġu jżuru lil pajjiżna. Fil-fatt ir-Renju Unit kien tradizzjonalment ikkunsidrat bħala l-ikbar suq turistiku ta’ Malta.

B’reazzjoni għal din l-aħbar, pajjiżna se jkun qed iħares is-saħħa tar-residenti Maltin, u ta’ kull min iżur pajjiżna, billi jeżiġi li mit-30 ta’ Ġunju 2021, persuni li jtiru lejn Malta mir-Renju Unit iridu jippreżentaw ċertifikat tal-vaċċin.

Dan ifisser li huma biss il-persuni li għandhom ċertifikat tat-tilqim rikonoxxut mis-Supretendent għas-Saħħa Pubblika li jkunu jistghu jidħlu Malta mir-Renju Unit mingħajr ma jeħtieġu joqgħodu kwarantina.

Din id-deċiżjoni ttieħdet abbażi tal-istudju epidemoloġiku tas-sitwazzjoni tal-każijiet tal-varjanti rrappurtati fir-Renju Unit.

Share With: