893 spezzjoni fuq il-baħar sa issa din is-sena

Miktub minn Claudio Coleiro

Din is-sena sa issa, l-uffiċjali mit-Taqsima tal-Infurzar Marittimu fi ħdan Transport Malta wettqu xejn inqas minn 893 spezzjoni fuq bastimenti u dgħajjes dwar l-osservanza tar-regolamenti f’dan il-qasam. Minn dawn, ittieħdu passi kontra 238 persuna filwaqt li 45 oħra ġew imwissija. 

Dawn l-ispezzjonijiet saru fil-perjodu ta’ bejn Jannar u l-ewwel ġimgħa ta’ Ġunju. L-aktar li ttieħdu passi jew li nħarġu twissijiet kien fil-konfront ta’ persuni li nqabdu jsuqu b’veloċità eċċessiva (87), segwiti minn dawk li rmiġġaw id-dgħajsa tagħhom f’żona projbita (31).

Minn fost l-ispezzjonijiet instab ukoll li kien hemm 21 persuna li kienu qed isuqu xi opra tal-baħar mingħajr ma kellhom polza ta’ assigurazzjoni, 28 li kellhom il-magna tad-dgħajsa mhux reġistrata u 22 li kellhom reġistrazzjoni skaduta.

Kien hemm ukoll 37 persuna li kienu mwissija jew ittieħdu passi kontriehom minħabba nuqqas ta’ sinjali jew sinjali mhux adekwati u tmienja oħra ġew mitkellma jew imħarrka minħabba li l-bastiment jew id-dgħajsa tagħhom ma kinux reġistrati.

Min-naħa l-oħra, fil-perjodu imsemmi, l-uffiċjali wettqu wkoll 1,133 spezzjoni b’rabta ma’ miżuri relatati mal-Covid-19 fejn b’kollox inħarġu 145 ċitazzjoni. 

Minn statistika oħra li għandu f’idejh dan il-ġurnal, jirriżulta illi fl-ewwel sitt xhur tas-sena li għaddiet, l-uffiċjali taw iktar twissijiet milli ċitazzjonijiet. Fil-fatt, minn 1,188 spezzjoni li saru f’dan il-perjodu, ittieħdu passi kontra 177 persuna u nħarġu 235 twissijiet.

L-akbar ammont kienu fuq nuqqas ta’ liċenzja nawtika (84), segwiti minn dawk li nstabu jsuqu d-dgħajjes tagħhom b’veloċità eċċessiva (76) u dawk li rmiġġjaw id-dgħajsa f’post projbit (61). 

Jirriżulta wkoll li 55 kienu mwissija jew saħansitra nħarġu ċitazzjonijiet minħabba li l-magna tad-dgħajsa ma kinitx reġistrata, 48 fuq nuqqas ta’ sinjali proprji, 46 fuq reġistrazzjoni skaduta u 18 oħra nstab li ma kellhom l-ebda liċenzja. 

Intant, it-Tnejn li għadda, proprju fl-ewwel jum tas-sajf, Transport Malta nediet il-kampanja edukattiva tagħha “Il-Baħar Ingawduh Flimkien” għal imġiba aktar prudenti fuq il-baħar matul ix-xhur tas-sajf.

Il-kampanja ta’ din is-sena taċċenna fuq erba’ punti prinċipali: tgħumx viċin is-slipways u tagħlaqx l-aċċess għad-dgħajjes, irrispetta l-limitazzjonijiet tad-dgħajjes qrib tiegħek biex ma toħloqx periklu, dgħajjes bil-magna m’għandhomx ifixklu dgħajjes bil-qlugħ jew dgħajjes tas-sajf u biex persuna ma tħammiġx fil-baħar.

Share With: