3,514-il kumpaniji ġodda ġew reġistrati s-sena l-oħra

Minkejja l-impatt ekonomiku negattiv kawżat mill-pandemija Covid-19, ir-Registru Malti tan-Negozji irreġistra xejn inqas minn 3,514-il kumpaniji kummerċjali ġodda matul it-tnax-il xahar tas-sena 2020. Madankollu, fl-istess perijodu tnehhew mir-Registru madwar 11,289 kumpaniji li naqsu serjament milli jipprovdu l-informazzjoni meħtieġa skont il-liġi.

Dan jirriżulta mir-rapport annwali u l-istqarrija finanzjarja tar-Registru ghas-sena li għalqet f’Diċembru 2020.

Ir-rapport isemmi wkoll il-miżuri kollha li ttieħdu flimkien ma’ proċess rigoruż biex jiġu implimentati r-rakkomandazzjonijiet tal-MONEYVAL li wasslu għal titjib konsiderevoli f’dik li hija governanza tajba.

Matul l-istess perijodu tat-tnax-il xahar tas-sena l-oħra, ir-rapport jelenka illi saru iktar minn 27,000 spezzjoni ta’ kumpaniji u madwar 11,000 spezzjonijiet oħra ta’ kumpaniji ġodda fosthom analiżi rigoruża dwar id-diretturi, l-azzjonisti u l-benefiċjarji ta’ l-istess kumpaniji. Dan kollu sar b’konformita mal-liġijiet eżistenti.

Minbarra dan ix-xogħol u li spezzjonijiet kollha li saru, ir-Registru Malti tan-Negozji permezz tal-uffiċċju legali tiegħu wettaq diversi żviluppi leġiżlattivi u l-infurzar tagħhom kif kien kontemplat fir-rapport tal-Esperti tal-Kunsill tal-Ewropa rigward miżuri kontra il-ħasail ta’ flus u l-iffinanzjar tat-terroriżmu kif ukoll inizjattivi leġiżlattivi oħra tal-Unjoni Ewropea. Ma’ dawn ir-Reġistru ħa ħsieb ukoll li jkollu sistemi elettronika bl-użu ta’ l-aħħar teknoloġija.

Share With: