Xorta rridu noqogħdu attenti

Miktub minn Benny Borg Bonello

It-tilqim kontra l-COVID-19 miexi sew.  Is-sitwazzjoni tjiebet.  Tjiebet minn żewġ fatturi – il-vaċċin u l-infurzar tar-regolamenti.  L-infurzar din id-darba ma ġiex biss mill-awtoritajiet iżda wkoll min-nies għaliex kull meta kienu qed jaraw lil xi ħadd ma josservax ir-regolamenti kienu qed jgħidulu.  Ir-riżultat ta’ dan kien li rnexxielna nniżżlu n-numru ta’ infezzjonijiet baxx.  S’issa għadu tajjeb minkejja li għad fadal nies li għad iridu jitlaqqmu.

Dan minkejja li reġa’ kellna ftuħ fl-ekonomija tagħna.  Xi ħaġa li konna qed nistennewha b’ħerqa biex nerġgħu mmorru lura lejn in-normal.  Kemm kien mistenni dan il-ftuħ intwera mal-ewwel għax iċ-ċaqliq tan-nies kiber mal-ewwel ġurnata.  Tista’ tgħid li rajnieh kullimkien.  Biss żgur li l-aktar li kien jidher kien il-Belt.  Dan l-aħħar ġimgħat il-Belt kienet qed tkun kważi vojta.  Kienet saret qiesha belt mejta. Kważi ma tara lil hadd fit-toroq tal-Belt

Iżda mal-ewwel ħadet ir-ruħ bħal ma ħadu r-ruħ l-uċuh tan-nies.  It-tensjoni naqqset għal ħafna nies.  Kien żvilupp importanti.

Bħal ma ktibt dan ġej minn żewġ fatturi – is-suċċess tat-tilqim u l-infurzar.  Mir-riżultati miksuba l-infurzar joħroġ ċar kemm hu importanti li sew inkomplu naraw l-infurzar u kemm huma effettivi d-direzzjonijiet li qed jagħtuna l-Awtoritajiet tas-Saħħa.  L-ilbies tal-maskri, li nżommu distanza u nnaqqsu l-kuntatti personali kienu effettivi.  

Biss l-infurzar wera wkoll, li kieku ma kienx hemm infurzar, l-affarijiet ma kinux ser jitjiebu.  Dan għaliex l-infurzar sa dan l-aħħar wera li għad għandek numru ta’ nies li jiġu jaqgħu u jqumu sew minn saħħithom u sew mis-saħħa ta’ ħaddieħor. Jekk jillaxka l-infruzar nerġghu mmorru l-baħar

Hu għalhekk li nemmen li l-infurzar għandu jibqa’ għaddej bil-ħeġġa li hemm illum.  Dan hu importanti jekk irridu li nerġgħu mmorru lura lejn in-normal.  Irridu niftakru li l-qagħda ta’ Malta hi differenti minn ta’ ħafna pajjiżi oħra.  Malta hi post żgħir ħafna u dan jikkomplika ruħu minħabba l-popolazzjoni kbira li għandna għal qies tal-pajjiż.  Barra minn hekk il-kultura tagħna titlob li mhux biss inżommu kuntatt personali imma li dan il-kuntatt ikun frekwenti u qrib.  Dan aħna ftit nittendu bih għaliex ġeneralment meta nsiefru mmorru fil-postijiet li huma popolari mat-turisti.  Nittendu meta mmorru xi postijiet differenti.  

Niftakar meta kont mort il-Finlandja – art kbira b’popolazzjoni żgħira għal qies tal-pajjiż.  Ħassejtni stramb u kien wara ftit li ttendejt għaliex.  Mhux biss ma tarax folol iżda anki n-nies li jkunu ma’ xulxin xorta jżommu distanza ħafna akbar milli nżommu aħna.  Kontra tagħna.  Aktar ma nkunu ġo folol u qrib ta’ xulxin aktar nieħdu gost.  

Fil-ħajja normali, inħoss li dan il-kuntatt hu ta’ ġid.  Biss waqt pandemija hu perikoluż li minħabba l-kuntatt qrib li nżommu ċ-ċansijiet li jinħolqu l-problemi huma ħafna akbar.  

L-infurzar hu importanti.  Biss qatt ma jista’ jkun effettiv mija fil-mija.  Hu għalhekk li jrid jiġi minna jekk irridu mmorru lura għan-normal.  

Id-droga Cannabis

Il-gvern poġġa numru ta’ proposti. 

Nibda mill-pożizzjoni tiegħi.  Jien kontra d-drogi għall-użu meta ma jkunx meħtieġ għas-saħħa ta’ dak li jkun.  Kontra, għax għalija, meta persuna tieħu d-droga għandha xi problema li tħoss li ma tistax isolviha.  Minflok issolvi l-problema, tieħu d-droga biex tinsa l-problema u toħloq problema kbira oħra.  Barra minhekk, min jieħu d-drogi ġeneralment wara ftit jiġi jiddependi fuqhom biex jgħix għax ikun daħal f’ċirku vvizzjat.  

Min-naħa l-oħra, jien nemmen li kulħadd għandu dritt jgħix kif irid sakemm dan ma jmurx kontra d-drittijiet ta’ ħaddieħor.  Allura ma nħossx li għandi nindaħal lil dawk li jridu jieħdu droga basta dawn ma jmissux l-interessi ta’ ħaddieħor u jġorru r-responsabbilta’ ta’ għemilhom.  B’daqshekk ma jfissirx li s-soċjeta’ m’għandhiex tidħol biex tgħinhom joħorġu mill-vizzju li jkunu daħlu fih.  Anzi nemmen li l-isforz hemm għandu jsir.

Minħabba f’hekk m’għandi l-ebda oġġezzjoni li dawn ma jkomplux jintbagħtu l-ħabs.  Hemm raġuni oħra ’l għala naqbel ma’ dan.  Din hi, li jekk nibgħathom il-ħabs inkun qed inżidilhom il-problemi u mhux ngħinhom biex joħorġu mill-vizzju.

Naqbel li d-droga inkluż id-droga Cannabis m’għandhiex tittieħed fil-pubbliku u għalhekk ma naqbilx li jkun hemm postijiet pubbliċi fejn persuna tkun tista’ tmur u tieħu d-droga.  Ma naqbilx għaliex hemm inkun qed innaqqas id-drittijiet ta’ ħaddieħor li jkun jista’ jmur fil-postijiet pubbliċi mingħajr periklu.

L-aktar ħwejjeġ kontroversjali huma t-tkabbir u x-xiri tad-droga Cannabis.  Nibda mit-tkabbir tad-droga għal użu personali.  Fil-prinċipju m’għandi xejn kontra.  Biss biex naċċetta din il-proposta rrid inkun naf kif ser nikkontrollaw dan it-tkabbir.  Jekk hemm metodi effettivi kif nistgħu nikkontrollaw dan it-tkabbir għal użu personali ta’ dawk li qed ikabbruh, m’għandniex problemi.  Imma jekk m’hemmx, allura ma naqbilx għaliex inkun qed niftaħ bieb ieħor biex nisfruttaw lil dawn in-nies. 

Niġu issa għax-xiri tal-Cannabis.  Peress li bħalissa d-droga hi projbita ma tistax tinxtara legalment.  Għalhekk hemm l-isfruttament.  Aktar ma persuna tkun dipendenti, aktar ngħollilha l-prezzijiet u nwassalha biex tagħmel reati oħra biex tikseb id-droga.  L-istess bħal qabel, naqbel li l-bejgħ tad-droga għandu jkun ħieles għalkemm regolat.  Biss, biex naqbel ma’ dan, irrid inkun naf is-sistema li ser titħaddem biex ma jkunx hemm abbużi.  Jekk ma jkunx hemm sistema bħal din, inkun qed nagħti l-opportunita’ ta’ aktar sfruttament.

Hemm problemi oħra li wieħed irid jagħti kas.  Ir-raġuni hi li barra l-interessi tal-individwu wieħed irid jara l-interessi tas-soċjeta’.  Mal-ewwel ġo moħħi jitilgħuli żewġ aspetti.  L-aspett tal-konsumatur u l-aspett ta’ min jimpjega.

Nieħdu l-aspett tal-konsumaturi.  Kemm hawn konsumaturi li lesti li jmorru għand tabib li għandu l-vizzju tad-droga Cannabis?  Kemm hawn nies li lesti li jqabbdu avukat biex jiddefendihom meta dan għandu l-vizzju tad-droga Cannabis?  Kemm hawn nies li jħossuhom komdi li jiġu ffaċċjata minn maġistrat jew imħallef li għandu l-vizzju tad-droga Cannabis?  Il-klijenti li jiffaċċjaw dawn in-nies, ser ikollhom dritt ikunu jafu jekk min qed jinviżthom, min qed jagħtihom parir jew min qed jiġġudikhom humiex qed jieħdu droga?

Nieħdu l-aspett ta’ min jimpjega.  Kemm hawn nies li għandhom negozju li jkollhom moħħhom mistrieħ li jqabbdu accountant li għandu l-vizzju tad-droga Cannabis?  Kemm hawn nies li lesti jimpjegaw ħaddiema li għandhom il-vizzju tad-droga Cannabis? Min iħaddem ser ikun responsabbli jekk xi ħaddiem li għandu l-vizzju tad-droga u jkun taħt l-effett tad-droga jiġrilu xi ħaġa fuq il-post tax-xogħol?  Il-ħaddiema l-oħra ser ikollhom dritt li jirrifjutaw li jaħdmu ma min jieħu d-droga Cannabis speċjalment f’postijiet tax-xogħol li huma perikolużi?

Ir-raġuni ta’ dawn il-mistoqsijiet hi, kif dawk in-nies li ser jintlaqtu ser ikunu jafu li meta jkunu qed jieħdu servizz minn dawn in-nies li jieħdu d-droga Cannabis, dawn ma jkunux taħt l-influwenza tad-droga.

Minkejja dak kollu li ktibt, nemmen li aktar ma jgħaddi ż-żmien aktar hu importanti li dawn il-kontroversji ma nkomplux nitfgħuhom taħt it-tapit bħal ma konna qed nagħmlu.  Hemm bżonn li aktar ma jgħaddi ż-żmien aktar niddiskutu dawn l-affarijiet biex wara nibdew nieħdu passi biex niffaċċjaw dawn il-problemi.

Il-problema hi li ħafna drabi, jekk ma jkunx il-Partit Laburista, qatt m’huma ser jitilgħu fil-wiċċ u għalhekk qatt ma jiġu diskussi.  Biss din toħloq problema li dawn l-affarijiet f’daqqa waħda jiġu diskussi fil-qasam politiku.  Jien nemmen li dawn il-kontroversji meta għadhom kemm joħorġu fil-pubbliku m’għandhomx ikunu fil-qasam politiku.

Ma jfissirx li l-qasam politiku m’għandux rwol.  L-akbar rwol li għandu hu li wara li jkunu diskussi l-qasam politiku jrid jieħu passi biex dak li jkun ħareġ mid-diskussjoni jiġi mwettaq.

Terġa’ tqum mistoqsija oħra, allura min għandu jmexxi dawn il-kontroversji biex nibdew naslu għas-soluzzjonijiet? Jien nemmen li din għandha tkun ir-rwol tal-President peress li bħala President għandu l-interess tal-poplu kollu.  B’hekk id-diskussjoni tkun aktar miftuħa u aktar effettiva.

Share With: