Wara Jack Ryan, jibdew l-missjonijiet ta’ John Kelly

Tom Clancy’s Without Remorse

L-awtur Amerikan Tom Clancy (li ħalliena fl-2013) hu magħruf l-aktar għall-karattru ta’ Jack Ryan.  Anke l-films ispirati mill-kotba ta’ Clancy, sal-lum taw importanza lil dan il-karattru, bħal ngħidu aħna f’“The Hunt for Red October” (1990), “Patriot Gmes” (1992), “Clear and Present Danger” (1994), “The Sum of All Fears” (2002) u “Jack Ryan: Shadow Recruit” (2014).  

Clancy għandu karattru ieħor li spiss jitfaċċa fil-kotba tiegħu.  Dan hu John Kelly.  Fil-films li diġa semmejna, diġa narawh interpritat minn Willem Dafoe (f’“Clear and Present Danger”) u minn Liev Schreiber (f’“The Sum of All Fears”).

L-ewwel ktieb ta’ Tom Clancy li jpoġġi lil John Kelly fiċ-ċentru tan-narrattiva, hu ‘Without Remorse’ li kien ippubblikat fl-1993. Fin-narrattiva jinħolqu ċirkustanzi fejn John Kelly ikollu imbagħad jassumi l-identitá ta’ John Clark.

“Tom Clancy’s Without Remorse” (Amazon: 15) hu film ta’ aventura mimli azzjoni.  Michael B. Jordan jidher fil-parti prinċipali.  Fil-bidu tal-film, John Kelly ikun qed imexxi tim ta’ U.S. Navy SEALs, f’missjoni f’Aleppo sabiex jeħilsu aġent taċ-CIA li jkun qed jiġi miżmum ostaġġ.  L-għedewwa tagħhom huma ex-membri militari Russi – dettal li s-superjur ta’ dan it-tim, Robert Ritter (Jamie Bell), ikun żamm għalih.  Lura fl-Istati Uniti, diversi membri tan-Navy SEALS jinqatlu min-nies ta’ nazzjonalita Russa.  Il-qattiela ikunu qed isegwu wkoll il-passi ta’ John Kelly u joqtlulu lill-martu Pam (Lauren London) li kienet tqila.  Kelly jirnexxilu jaħrab.  Il-konsegwenza hi li Kelly  kien sar bomba tal-ħin li ried vendetta.

John Kelly ma seta’ jafda lil ħadd ħlief it-Tenent Kurunell Karen Greer (Jodie-Turner Smith).  Huwa jkun qiesu sar bħal Rambo; iħossu ttradut minn kulħadd.  

Maħdum taħt id-direzzjoni ta’ Stefano Sollima, il-film għandu set pieces tajba ta’ azzjoni, fosthom dik meta jsegwi diplomatiku Russu (Merab Ninidze) li jkun sejjer l-ajruport ta’ Dulles.  Hemm xena oħra tajba meta jkun il-ħabs u jeħodha kontra numru ta’ gwardji.  Meta jmur f’Murmansk, ir-Russja, l-azzjoni ma taqta’ xejn.

Il-film ma jsegwix għal kollox dak miktub minn Tom Clancy fil-ktieb.  Barra minn hekk, għalkemm il-qagħda politika bejn l-Istati Uniti u r-Russja mhix xi waħda bla problemi, mgħadix l-istess bħal fi żmien meta Tom Clancy kiteb dawn il-kotba.  Michael B. Jordan jagħti nterpritiazzjoni aċċettabbli.

The Virtuouso

Frisk mir-rebħ tat-tieni Oscar fil-karriera tiegħu, Anthony Hopkins nerġgħu narawh fuq l-iskrins fit-thriller “The Virtuoso” (Lionsgate: 15).  Tiftakar l-interpritazzjoni mpekkabbli li hu ta f’“The Father”, kważi jidħollok dubju jekk din il-parti kellix tingħata lil Hopkins.  Mhux Anthony Hopkins hu l-problema imma l-film jiddiżappuntak.

Miegħu jidher Anson Mount fil-parti ta’ qattiel bla isem.  L-iskript jagħmnel enfażi li “hu professjonali, espert, metikoluż, dejjem preċiż, attent għall-ħin”.  Imma imbagħad dan il-qattiel ma jintebaħx illi l-biċċa xogħol li ġie mqabbad mhi xejn ħlief nasba.

Hopkins għandu l-parti tal-mentor tal-qattiel.  Huwa jkun jara din il-missjoni suwiċidali għall-qattiel bħala att ta’ karità!  F’waħda mill-missjonijiet tiegħu, il-qattiel ikkawża il-mewt ta’ mara innoċenti.  Mill-perspettiva tal-karattru ta’ Hopkins, dan l-inċident irrovina il-fama tal-qattiel bħala “homicidal killing machine”.  

Il-qattiel imur f’belt żgħira fuq il-missjoni ġdida fejn l-unika ħjiel li jkollu hu, meta u fejn jista’ jsib il-vittma misterjuża.  

Fi triqtu jiltaqa’ ma’ mara li tatik l-impressjoni li kapaċi iddaħħlek fi xkora bla ma tinduna.  Din il-parti hi maħduma minn Abbie Cornish.  Nieħdu l-impressjoni li kienet mibgħuta biex toqtlu.  Aktar tard, il-qattiel jerġa jiltaqa’ magħha bħalha waitress, li ssejjaħ lilha nnifisha Dixy.  Jinnota karattri oħra suspettużi, fosthom ix-xeriff korrott (David Morse).

Maħdum taħt id-direzzjoni ta’ Nick Stagno, dan it-thriller ma fihx wisq azzjoni, maħdum b’budġit żgħir li jgħaddi fuq skrin żgħir biss.  Id-direttur kien iffurtunat li kkonvinċa lil Anthony Hopkins għal din il-parti, għax probabbli ħafna nies jaraw dan il-film għall-preżenza ta’ dan l-attur ta’ 83 sena.

Wrath of Man

Dan huwa thriller ieħor, fejn il-protagonist ilaqqa’ għar-raba’ darba lil Jason Statham mad-direttur Guy Ritchie.

Ispirat minn thriller Franċiż li kien ħareġ 17-il sena ilu, “Le Convoyeur”, f’din l-verżjoni ġdida Jason Statham għandu l-parti ta’ uffiċċjal tas-siġurtà bl-isem ta’ H.  Dan jidħol jaħdem ma’ kumpanija li jkollha vetturi tas-sigurtà u li xogħolhom hu li jieħdu miljuni ta’ dollari minn post għall-ieħor f’Los Angeles.

H mill-ewwel jimpressjona lil sħabu bil-ħiliet tiegħu biex jiddefendi lilu nnifsu.  Meta jidħol jaħdem ma’ din il-kumpanija, hu jkollu mottiv ulterjuri.  H irid isib min qatel lill-ibnu.

Flimkien ma’ Jason Statham, f’“Wrath of Man” (MGM: 15) jidhru fost l-oħrajn, Josh Hartnett u Scott Eastwood.  Suppost kellha tidher ukoll Sandra Bullock imma din irrifjutat il-parti ftit qabel bdiet il-produzzjoni.

Share With: