Uffiċjali Palestinjani f’Gaża qalu li lbieraħ kien l-aktar jum li fih mietu nies

Ritratt: AP Photo/Adel Hana

Uffiċjali Palestinjani f’Gaża qalu li l-Ħadd kien l-iktar jum li fih mietu nies minn mindu beda l-ġlied attwali ma’ Iżrael.

Dan hekk kif ilbieraħ 42 persuna, inkluż 16-il mara u għaxar tifel u tifla nqatlu f’attakki mill-ajru tal-Iżrael.

L-armata Iżraelita qalet li l-militanti Palestinjani sparaw aktar minn 3,000 rokit fuq Iżrael matul il-ġimgħa li għaddiet.

Is-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti António Guterres wissa li aktar ġlied jista’ jwassal lir-reġjun fi kriżi li tkun diffiċli biex tiġi kkontrollata, filwaqt li talab għat-tmiem immedjat ta’ din il-vjolenza.

Kmieni t-Tnejn filgħodu, ajruplani tal-gwerra tal-Iżraeliti nedew 80 attakk mill-ajru fuq diversi żoni tal-Belt ta’ Gaża, ftit wara li l-militanti tal-Hamas sparaw għexieren ta’ rokits fin-Nofsinhar ta’ Iżrael.

In-numru totali tal-imwiet f’Gaża issa huwa ta’ 197 persuna, inklużi 58 tifel u 34 mara, b’1,230 persuna midruba.

Share With: