Tonna jgħid li sar jaf min hu sid il-kumpanija 17 Black permezz tal-Media

L-eks direttur ta’ Nexia BT Brian Tonna reġa’ deher quddiem il-Kumitat tal-Kontijiet Pubbliċi (PAC) biex iwieġeb il-mistoqsijiet b’rabta mar-rapport tal-Awditur Ġenerali dwar l-Electrogas.

Tonna kkonferma kellu relazzjoni professjonali mal-Pilatus Bank. Kompla jelabora li huwa personali ma kellux kont fil-Pilatus iżda waħda mill-kumpaniji tiegħu kellha kont fil-Pilatus. Tonna qal li kienet ħarġet sanction letter għal self mill-Pilatus iżda l-loan qatt ma ttieħdet.

Rigward min hu s-sid tal-kumpanija 17 Black insista li sar jaf li Yorgen Fenech hu s-sid tagħha permezz tal-media. Żied ukoll li meta sar jaf “kien diżġustat” u li fuq din il-kwistjoni mar jitkellem ma’ Keith Schembri. “Konrad Mizzi m’għandu x’jaqsam xejn” stqarr Tonna.

Intant hekk kif kompliet il-laqgħa, l-Avukat Stephen Tonna Lowell waqqaf lill-klijent tiegħu biex ma jweġibx għal ċertu domandi minħabba ksur ta’ drittijiet umani. Huwa akkuża lil Fenech Adami li qed jgħaddih biż-żmien billi jkompli jistaqsi domandi li jinkriminaw lil Tonna. Min-naħa tiegħu, Fenech Adami qal li mhux qed jemmen ix-xhieda ta’ Brian Tonna.

Share With: