Tnejn mixlija b’pussess u importazzjoni ta’ droga

Raġel ta’ 35 sena u mara ta’ 28 sena, it-tnejn residenti ż-Żurrieq, ingħataw il-ħelsien mill-arrest wara li tressqu l-Qorti mixlija b’importazzjoni u pussess ta’ ammont kbir ta’ droga.

Huma kienu arrestati t-Tlieta wara jiem ta’ osservazzjoni u investigazzjonijiet fuqhom fuq suspett ta’ użu tad-droga. Il-Pulizija kienet infurmata mid-Dipartiment tad-Dwana li interċettat pakkett suspettuż li kien għadu kemm wasal bil-posta minn barra indirizzat lilhom. 

Il-pakkett ġie segwit mill-pulizija sar-residenza fiż-Żurrieq, daħlu fuqhom, arrestawhom u rriżulta li fil-pakkett kien hemm madwar kilo ta’ sustanza aktarx droga sintetika. Saret tfittxija fir-residenza u nstabet aktar sustanza, allegatament kokaina u eroina.

Huma tressqu quddiem il-Maġistrat tal-Għassa Josette Demicoli fejn wieġbu mhux ħatja tal-akkużi miġjuba kontriehom u ngħataw il-ħelsien mill-arrest taħt diversi kundizzjonjiet.

Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispetturi Mark Mercieca u Alfredo Mangion. 

Share With: