Tnedija ta’ fond annwali li joffri appoġġ finanzjarju lill-kmamar tan-nar Maltin li jaħdmu fuq bażi volontarja

Il-fond annwali għall-kmamar tan-nar Maltin li jaħdmu fuq bażi volontarja għandu l-għan li jtejjeb  kontinwament il-karatteristiċi ta’ sigurtà fil-kmamar tan-nar filwaqt li jikkontribwixxi għat-titjib  globali tal-industrija piroteknika.  

Waqt it-tnedija tal-fond, il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali José Herrera  ddeskriva l-importanza ta’ tali fondi li joffru għajnuna speċifika u ddedikata lil oqsma partikolari fi  ħdan is-setturi kulturali u kreattivi.  

“Il-logħob tan-nar mhuwiex biss parti mill-wirt kulturali lokali tagħna. Dan jiġbor flimkien komunità  ta’ voluntiera li ta’ kuljum jaħdmu biex jipproduċu spettakli pirotekniċi tal-ogħla standard, u għandna  dejjem infittxu li nappoġġjaw l-isforzi tagħhom billi ninvestu fl-infrastruttura meħtieġa biex jitjiebu  elementi importanti bħas-sikurezza”, qal il-Ministru Herrera.  

L-għan tal-fond, li jinsab fir-raba’ edizzjoni tiegħu, huwa li jtejjeb is-sikurezza fil-kmamar tan-nar  kemm matul il-proċess ta’ manifattura kif ukoll matul l-isparar tal-logħob tan-nar. L-għotja hija  maħsuba għal volontarji biex jinvestu fit-taħriġ, l-iżvilupp u r-riżorsi biex titjieb is-sikurezza tas sistemi pirotekniċi Maltin u t-titjib tal-prodott finali, speċjalment minħabba r-rwol prominenti ta’ din  l-industrija fil-kultura Maltija. 

“It-tnedija ta’ tali fondi hija xhieda tat-twemmin li l-Kunsill Malti għall-Arti u l-Ministeru għall-Wirt  Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali verament jifhmu l-importanza tal-espressjoni tal-poplu u l kreattività tal-wirjiet tal-logħob tan-nar”, qal il-Kap Eżekuttiv tal-Kunsill Malti għall-Arti Albert  Marshall.  

Ġie allokat total ta’ €170,000 għas-sena 2021 u se jkun amministrat mill-Kunsill Malti għall-Arti.  Kull fabbrika tan-nar tista’ tibbenefika minn għotja ta’ €5,000, li tista’ tintuża kollha għal użu  infrastrutturali.  

Sabiex jikkwalifikaw għal dan il-fond, il-kmamar tan-nar huma meħtieġa li joħorġu b’ideat u proposti  biex jaġġornaw u jtejbu l-infrastruttura tal-kmamar tan-nar billi jinvestu f’makkinarji u għodod li  jiffaċilitaw il-manifattura tal-logħob tan-nar u jagħmlu l-proċess aktar sikur; jinvestu f’tagħmir li  jtejjeb is-sikurezza matul l-isparar tal-logħob tan-nar; iwettqu taħriġ u żvilupp tar-riżorsi relatati mas-sikurezza tal-logħob tan-nar kif ukoll irawmu sinerġija aħjar bejn il-kmamar tan-nar Maltin.

Il-fond huwa miftuħ għal kmamar tan-nar b’liċenzja rreġistrata bħala organizzazzjonijiet volontarji.  Fil-każ ta’ kmamar tan-nar li huma parti minn każini tal-banda, il-każin tal-banda jeħtieġ li jkun  irreġistrat bħala organizzazzjoni volontarja. 

L-applikazzjonijiet eliġibbli kollha se jiġu evalwati minn bord ta’ evalwaturi skont il-linji gwida  stabbiliti u ppubblikati. Il-linji gwida dwar kif wieħed għandu japplika għall-fond li joffri appoġġ finanzjarju lill-kmamar tan nar Maltin li jaħdmu fuq bażi volontarja huma disponibbli fuq www.artscouncil.mt. L applikazzjonijiet kollha qed jintlaqgħu biss online sat-18 ta’ Ġunju 2021. Għal appoġġ u għajnuna,  wieħed jista’ jċempel fuq 23347230 jew jibgħat email lil fundinfo@artscouncil.mt.

Share With: