Tfajjel ta’ 8 snin lura l-iskola wara sena terapija għal-lukimja… it-trattament mistenni jispiċċa f’Lulju tal-2023

Miktub minn Maria Azzopardi 

Wara sena ta’ terapija, bi tbissima, it-tfajjel Luca seta’ jimxi id f’id ma’ ommu fit-triq tiegħu lura lejn l-iskola. Minkejja li ma jmurx kuljum minħabba t-trattament li qed jirċievi, omm Luca, Roberta Piccione, tgħid li huwa jħossu aħjar l-iskola. Dan għaliex, apparti li sħabu jtuh sapport, magħhom iħossu tifel normali.

Luca mistenni jagħlaq disa’ snin f’Awwissu u dak li għadda minnu tul dawn l-aħħar xhur għenu jikber u jimmatura. L-istorja tiegħu tgħallimna nirriflettu u biex tassew napprezzaw lil dawk ta’ madwarna u kull nifs li nieħdu.

Ommu rrakkontat ma’ dan il-ġurnal li kollox beda fid-29 ta’ April 2020 wara li daħlu l-Emerġenza. L-għada, sfortunatament tawhom aħbar li bidlet ħajjithom u min hemm beda vjaġġ. Huma ngħataw l-aħbar li t-tifel għandu l-lukimja. Ta’ seba’ snin, it-tfajjel Luca beda battalja ta’ tliet snin u fuqhom minħabba l-fatt li t-trattament mistenni jispiċċa f’Lulju tal-2023.

“Filli tifel mimli enerġija… filli ma kienx iqum mis-sodda”

Ommu qalet: “Ir-Rainbow Ward laqgħuna u għenuna ħafna. Puttinu laqgħu lit-tifel b’rigali tant li t-tifel ħassu veru ferħan. Sakemm beda l-kimoterapija. Imbagħad anke jaqa’ beda mal-mixi. Filli tifel mimli enerġija. Konna nibkulu biex jieqaf jiġri…u filli ma kienx iqum mis-sodda. Enerġija ta’ xejn. Xagħru waqa’ darbtejn. Il-lukimja hija battalja bla waqfien. Kimoterapija kuljum u l-Covid ma għenitx lanqas.”

“Kont spjegajtlu li għandu dudu ġo fih u se noqtluh bil-mediċina”

Żiedet tgħid li apparti minn Luca għandhom żewġt itfal oħra. Dak iż-żmien waħda kellha erba’ snin u l-oħra disa’ xhur. Hija qalet: “Batejna l-firda sakemm kien l-isptar. Kien iħoss ħafna n-nuqqas ta’ ħutu u anke l-bniet kienu jħossu n-nuqqas tiegħu. Kont spjegajtlu li għandu dudu ġo fih u se noqtluh bil-mediċina. Fil-15 ta’ Ġunju ħriġna mil-isptar u erġajna ngħaqadna bħala familja. Kien qalilna ‘ma rridx narakom tibku għax jiena se nfieq u se nerġghu niġu familja kif konnha’. Darba qalilna wkoll li ’kulħadd jgħaddi minn żmien diffiċli f’ħajtu u dan huwa tiegħi imma naf li se jgħaddili’.”

Ommu qalet li l-iskola ta’ San Ġwann għenuh ħafna u bis-saħħa tas-sapport tagħhom Luca mar lura l-iskola u qed ikompli bit-tagħlim tiegħu. “Ikun hemm ġranet li jħossu għajjien imma nibqgħu niġġieldu. It-talb jagħtina kuraġġ. Aħna familja ta’ ħamsa u nagħtu sapport kbir lil xulxin. Jiena u r-raġel għandna żewġ battalji. Waħda li ngħinu lit-tifel ifiq u l-battalja l-oħra hija biex negħlbu l-biża’ tagħna. Inħarsu lejn affarijiet pożittivi u nafu li wara din l-esperjenza se nħarsu lejn il-ħajja mod ieħor,” qalet Piccione.

“Għalkemm għaddej minn battalja iebsa, dejjem jitlob għal ħaddiehor”

L-omm qalet li Ĺuca huwa tifel li jħobb jgħin, iħobb l-annimali, iħobb jinbex u huwa l-persuna li jqajjem l-istorbju d-dar. Qalet li minkejja li għaddej minn battalja iebsa, dejjem jitlob għal ħaddiehor. 

Żiedet tgħid: “Luca huwa ġojjell. Illum il-ġurnata jimxi, jiġri u jgħum. It-tifel immatura u kiber. Jitlob ħafna għal tfal bħalu u għandu għal qalbu ħafna l-annimali. Qabel ma jorqod jgħidli, ‘ma għamilli ftit ilma mbierek ħalli nfiq.”

“It-talb itik il-kuraġġ u l-kuraġġ huwa parti kbira mill-fejqan”

Hija xtaqet ittemm b’appell: “L-appell tiegħi huwa biex f’din il-ħajja mgħaġġla ngawdu iktar lil uliedna. Il-ħin ta’ kwalità huwa importanti ħafna. Irridu wkoll naprezzaw is-saħħa u l-ħajja iktar. Nixtieq li dawk kollha li għaddejjin minn din il-battalja jagħmlu kuraġġ. Meta nħossni qed naqa’ niftakar li t-tifel għandu bżonni u nerga’ nqum fuq saqajja. Mhux faċli xejn imma t-talb itik il-kuraġġ u l-kuraġġ huwa parti kbira mill-fejqan. Nirringrazzja lit-tabiba tiegħu, l-istaff kollu tagħha u l-istaff kollu ta’ Rainbow Ward.”

Share With: