Tabib Ġappuniż iwissi li l-Olimpjadi jistgħu jwasslu għal varjant ġdid tal-Covid-19

Il-kap ta’ għaqda tat-tobba Ġappuniża wissa li l-Logħob Olimpiku f’Tokjo dan is-sajf, b’għexieren ta’ eluf ta’ nies minn madwar id-dinja, jista’ jwassal għall-emerġenza ta’ varjant ġdid tal-Covid-19.

Il-Ġappun wiegħed li jorganizza l-Olimpjadi tal-2020 f’Tokyo b’mod sigur wara posponiment ta’ sena iżda qed jitħabat biex iżomm taħt kontroll r-raba’ mewġa ta’ infezzjonijiet u qed jipprepara biex jestendi stat ta’ emerġenza f’ħafna mill-pajjiż.

Uffiċjali Ġappuniżi, organizzaturi tal-Olimpjadi u l-Kumitat Olimpiku Internazzjonali (IOC) kollha wegħdu li l-logħob se jsir skont il-pjan, għalkemm taħt miżuri stretti bħala prevenzjoni tal-virus. Filwaqt li l-ispettaturi barranin ġew ipprojbiti, ix-xahar id-dieħel hija mistennija d-deċiżjoni dwar dawk domestiċi.

Minkejja kollox, jibqa’ l-inkwiet marbut mal-influss ta’ atleti u uffiċjali fil-Ġappun, f’post fejn l-għoti tat-tilqim ma tantx għaddej b’rittmu mgħaġġel hekk kif 5% biss tal-popolazzjoni ħadu t-tilqima.

Il-Kap tal-Union tat-Tobba tal-Ġappun, Naoto Ueyama, qal li l-fatt li se jkunu qed jaslu nies minn aktar minn 200 nazzjon u territorju, joħloq periklu. Qal li ma jistgħux jiċħdu l-possibiltà li saħansitra jiżviluppa varjant ġdid tal-virus.

Share With: