Surġent mixli bi stupru qal lill-vittma li kien jipproduċi materjal pornografiku

Surġent tal-Pulizija akkużat bi stupru waqt li kien fuq xogħol, allegatament qal lill-vittma tiegħu li huwa kien jipproduċi materjal pornografiku. 

Is-Surġent Glenn Carabott ta’ 40 sena, jinsab akkużat li stupra mara meta mar biex jinvestiga każ ta’ serq ġewwa darha fil-Qawra.

Quddiem il-Maġistrat Gabriella Vella, is-Supretendent Graziella Muscat Buhagiar irrakkontat il-verżjoni li ngħatat lilhom mill-allegata vittma.

Skont il-vittma, is-Surġent kien mar fid-dar tal-mara fis-sigħat bikrin tas-17 ta’ April ftit wara li rrappurtat każ ta’ serqa fl-appartament tagħha. Qalet li hekk kif daħal ġewwa huwa deher li kien taħt l-influwenza tad-droga.

“Huwa beda jgħaddilha kumplimenti fuq l-apparenza tagħha u beda jmiss lilu nnifsu b’mod mhux xieraq. Il-mara staqsietu għaliex għaliex ġie waħdu minflok akkumpanjat minn uffiċjali forensiċi,” qalet is-Supretendent. Fil-Qorti ntqal ukoll li l-mara tieħu d-droga.

Dejjem skont il-mara, Carabott kien qabdilha sidirha u qalilha li huwa kien jagħmel films pornografiċi bi ħlas u li kien jinqasmu bejn grupp ta’ nies. Qalet li mbagħad daħlu fil-kamra tas-sodda biex iġġib xi karti marbuta mal-oġġetti misruqa.

Hemmhekk, innutat li s-Surġent kien għalaq il-bieb tal-kamra u mill-ewwel intebħet x’kien ġej. Hija qalet li kienet ukoll abbużata fil-passat. “Il-vittma qalet li ladarba raġel jibda, jieqaf biss meta jkun lest,” sostniet is-Supretendent.

Il-mara mbagħad għamlet sess orali fuq l-uffiċjal, mhux għax kienet mhedda imma għax riedet li tispiċċa u tlestiet malajr kemm jista’ jkun. Hawnhekk Carabott beda jiġbed filmat tal-att, li tressaq bħala evidenza fil-Qorti.

It-tnejn li huma spiċċaw fuq is-sodda tal-vittma, bil-mara tgħid li lil Carabott qaltlu li kellha infezzjoni u li ma xtaqitx tkompli. “Qalet li qaltlu, Sir ġejt abbużata diversi drabi, u li iktar ma bdiet tgħidlu ‘Sir’ iktar qanqlitu sesswalment,” xehdet Muscat Buhagiar.

Il-mara ddeskriviet lil Carabott bħala annimal li trattaha bħala oġġett. Uffiċjali oħra li kienu xogħol fil-lejl tal-allegat stupru xehdu li Carabott ma ppreżentax rapport fis-ssitema tal-pulizija dwar is-serqa u sempliċiment mar id-dar wara li rritorna mill-appartament tal-mara. 

L-Avukat Arthur Azzopardi deher għal Carabott.

Share With: