Studju juri li t-tilqima tipproteġi d-doppju minn dak tal-immunità naturali

Minn Carmen Cachia

Studju ġdid analizza l-perjodu tal-effiċjenza fit-tul tal-immunità naturali tal-ġisem kif ukoll dak mit-tilqima ta’ Moderna dwar l-anti bodies li jiġġieldu l-Covid-19. Irriżulta li t-tilqima tipproteġi għal perjodu doppju mill-immunità li l-ġisem jipproduċi b’mod naturali. 

BioMed Central sab li ftit inqas min-nofs ta’ 37 eks pazjenti tal-Covid-19 żammew l-istess ammont ta’ antibodies wara 100 jum mill-infezjoni. L-immunità naturali sseħħ meta jkun hemm espożizzjoni għall-organizmu tal-marda nnfisha u mhux mit-tilqima. Il-perjodu li bih il-ġisem ikun protett b’dan il-mod naturali kontra mard ivarja ħafna u eżempju ta’ dan huwa mard ieħor bħat-tetnu u l-ħożba. Min-naħa l-oħra r-riċerkaturi sostnew li l-Covid-19 huwa virus li jqarreb aktar lejn il-karatteristiċi ta’ riħ staġjonali fejn l-immunità naturali tibqa’ effettiva għal inqas minn sena.

Xjenzati mil-laboratorju IGeneX f’Milpitas, f’Kalifornja eżaminaw kampjuni minn 37 pazjenti meħuda f’perjodi differenti wara li kellhom riżultat pożittiv għall-Covid-19. Dan il-laboratorju rċieva għadd ta’ kampjuni tad-demm minn mijiet ta’ persuni li fosthom kien hemm min kellu l-virus u min le.

Il-kap tar-relazzjonijiet pubbliċi ta’ IGeneX, Joe Sullivan, qal li, “ittestjajna dawn il-kampjuni permezz tat-tekonoloġija tagħna ImmunoBlot biex naraw x’figuri se joħorġu rigward sensittività u karatteristiċi speċifiċi. Għall-grupp ta’ persuni pożittivi għall-Covid-19, eżaminajna l-kampjuni fuq perjodu twil ta’ żmiem bil-għan li naraw kemm idumu effetttivi l-antibodies fil-ġisem”.

Skont dan l-istudju kienu 44% biss tal-pazjenti li żammew l-antibodies għal aktar minn 100 jum wara l-infezzjoni. “Il-fatt li 56% tal-persuni tilfu l-antibodies li jiġġieldu l-virus wara ftit xhur biss, wieħed jifhem għala qegħdin iseħħu l-mewġ tal-pandemija,” sostna Dr Jyotsna Shah, kap awtur ta’ dan l-istudju. Huwa żied jispjega li raw żieda qawwija ta’ każijiet fil-ħarifa tas-sena l-oħra u sitwazzjonijiet simili seħħu anke fl-2021.

Studju ieħor, ippubblikat fin-New England Journal of Medicine fis-6 ta’ April, ħares lejn l-immunità ta’ 33 pazjenti li l-etajiet tagħhom kienu jvarjaw bejn it-18 u 55 sena. L-ewwel riżultati wrew li t-tilqima ta’ Moderna kienet 94% effettiva fil-prevenzjoni tal-Covid-19.

L-istess studju sab li l-antibodies fil-pazjenti li ħadu din it-tilqima damu effettivi u fis-sistema għal mill-inqas sitt xhur wara t-tieni doża. Dan il-perjodu huwa twil id-doppju minn dak tal-immunità naturali. Dan jikkonferma dak li sab l-istudju minn IGeneX.

Ix-xjenzati qalu li għad hemm bżonn li jsiru aktar studji fir-rigward u li r-riżultati juru kemm huwa importanti li nkomplu nsegwu l-miżuri ta’ prevenzjoni mitluba mill-awtoritajiet tas-saħħa fosthom l-ilbies tal-maskri, id-distanza soċjali u s-sanitizzar tal-idejn.

Share With: