Sodisfazzjon għal xogħlijiet fil-lokalità tal-Mellieħa

Tkomplew b’ritmu mgħaġġel ix-xogħlijiet fil-parti t’isfel ta’ Triq Ġorġ Borg Olivier, ġewwa l-Mellieħa.

Dan tħabbar fuq il-midja soċjali mis-Sindku tal-Mellieħa Dario Vella fejn qal li diġà tqegħdu pajpijiet li se jieħdu l-ilma tax-xita, li magħhom se jitqabbdu oħrajn li jieħdu l-ilma tax-xita li jinżel kemm minn Triq il-Qalb Imqaddsa u minn Triq San Publiju. Apparti dan, qal li se jinbidel il-main tal-ilma tax-xorb, flimkien mas-service connections. Il-proġett jinvolvi wkoll tqegħid ta’ cables għall-Enemalta u pajpijiet tad-drenaġġ. 

Vella qal ukoll li fuq talba tas-Sorijiet tal-Kunvent saret bankina ġdida quddiem iċ-Child Care Centre bil-għan li jingħata aċċess aktar faċli għall-istess binja. Żied jgħid li l-arranġamenti marbuta mat-traffiku u t-trasport pubbliku qed jiġu kordinati bejn Transport Malta, Infrastructure Malta, il-Kunsill Lokali, flimkien ma’ Malta Public Transport. 

Qal ukoll li l-istess arranġamenti huma ntiżi biex ix-xoghol jitlesta fl-iqsar żmien possibbli, għall-benefiċċju tar-residenti u l-komunità kummerċjali.

Filwaqt li skuża ruħu ta’ kull injonvenjent, Vella temm jgħid li fis-sigħat li ġejjin se jkomplu jżommu lir-residenti aġġornati b’dak li se jkun qed jiġri.

Share With: