Sessjonijiet ta’ Taħriġ u Integrazzjoni għall-Impjegati tal-Grupp Farsons

Is-Sessjonijiet ta’ Taħriġ għall-Impjegati, li jittellgħu kull sena għall-ħaddiema tal-Grupp Farsons, din is-sena saru b’mod elettroniku minħabba r-restrizzjonijiet tal-pandemija. Il-Grupp Farsons iqis dawn is-sessjonijiet bħala mezz ewlieni ta’ komunikazzjoni u integrazzjoni għall-impjegati tal-Grupp.

It-tema magħżula din is-sena kienet ‘Unlocking our True Strength: Beyond Covid-19’ u fis-sessjonijiet ħadu sehem il-Kap Eżekuttiv tal-Grupp, is-Sur Norman Aquilina u t-Tim Maniġerjali Għoli, li fl-indirizzi tagħhom tkellmu fuq il-kisbiet u l-isfidi li ħabbat wiċċu magħhom il-Grupp fl-aħħar sena, u fuq id-direzzjoni meħtieġa biex inkomplu mexjin ’il quddiem b’reżiljenza biex negħlbu d-diffikultajiet tal-pandemija. F’dan is-seminar elettroniku kien hemm ukoll żewġ sessjonijiet fuq il-Kultura tas-Sigurtà tal-Ikel u l-Immaniġġjar tal-Bidla.

Is-Sa Antoinette Caruana, il-Manager tar-Riżorsi Umani tal-Grupp u s-Segretarja tal-Kumpanija, qalet li dawn is-sessjonijiet offrew opportunità lit-timijiet kollha biex ikunu aktar konxji mill-iżviluppi u l-isfidi li għandu l-Grupp Farsons u biex jagħrfu li l-isforz u l-kontribut ta’ kull impjegat u impjegata jagħmlu differenza kbira ħalli l-operati tagħna, ibbażati fuq il-kwalità, nibqgħu nwassluhom b’mod sostenibbli.

Share With: