Securekey ġdida għan-Negozji mill-Bank of Valletta

Il-Bank of Valletta nieda l-BOV SecurekeyPlus – securekey ġdida li għandha funzjoni aktar konvenjenti għal meta wieħed ikun qed jawtorizza tranżazzjonijiet mill-BOV Internet Banking.

Il-BOV SecurekeyPlus hija soluzzjoni biex tawtentika u tawtorizza tranżazzjonijiet finanzjarji b’mod sigur bl-użu ta’ PIN u awtentikazzjoni viżiva bbażata fuq teknoloġija ta’ CRONTO. Din is-securekey hija ideali għal negozji li fuq bażi regolari jagħmlu għadd ta’ transazzjonijiet bil-BOV Internet Banking. Bħall-BOV Signatures disponibbli mill-BOV Mobile App u s-securekey kurrenti,  il-BOV SecurekeyPlus tipproteġi lill-konsumaturi u n-negozji billi ssaħħaħ is-sigurtà ta’ transazzjoniet li jsiru online kontra skemi sofistikati ta’ frodi.

“Din is-securekey il-ġdida hija apparat żgħir li permezz tagħha wieħed jista’ jawtorizza numru ta’ tranżazzjonijiet f’daqqa, u b’hekk tindirizza r-rekwiżiti ta’ dawk il-kumpaniji li jippreferu l-flessibilità ta’ awtorizzazzjonijiet multipli minflok ma jkollhom jawtorizzaw kull tranżazzjoni waħda waħda,” qal Franco Xuereb, Eżekuttiv tal-eBanking fi ħdan il-Bank of Valletta. “Aħna smajna dak li kellhom jgħidu l-klijenti tagħna dwar l-esperjenza bankarja online tagħhom u sussegwentement ħriġna din is-securekey avvanzata fis-suq.  B’hekk dawn il-klijenti ser ikollhom soluzzjoni mgħaġġla u sigura għall-bżonnijiet finanzjarji tagħhom.”

Il-BOV SecurekeyPlus, li għandha tariffa ta’ €15 fis-sena, mhijiex sostituta għall-BOV Signatures, li hija securekey diġitali bla ħlas għall-abbonati kollha tal-BOV Internet Banking u li ukoll tippermetti l-awtorizzazzjoni ta’ transazzjonijiet multipli. Kumpaniji li jixtiequ jiksbu l-BOV SecurekeyPlus jistgħu jagħmlu t-talba tagħhom fuq https://www.bov.com/Assistants/set-an-appointment.

Barra minn hekk, kif kien ikkomunikat fl-2019, is-securekey l-griża se tiġi kompletament diżattivata fil-ġimgħat li ġejjin. Klijenti li għadhom jagħmlu użu minn din is-securekey l-qadima sabiex jaraw il-kontijiet tagħhom, għandhom jużaw is-securekey diġitali (BOV Signatures) billi jniżżlu b’xejn il-BOV Mobile App jew inkella japplikaw għal securekey fiżika ġdida. 

Aktar informazzjoni tinstab fuq https://www.bov.com/content/the-bov-securekey.

Maħruġa mill-Bank of Valletta p.l.c., 58, Triq San Żakkarija, Il-Belt Valletta VLT 1130. Il-Bank of Valletta p.l.c. hija kumpanija pubblika b’responsabbiltà limitata regolata mill-MFSA u hija liċenzjata biex toffri l-kummerċ bankarju f’termini tal-Att dwar il-Kummerċ Bankarju (Kap. 371 tal-Liġijiet ta’ Malta)

Share With: