“Se nkomplu nnaqqsu l-faqar billi nkabbru l-ekonomija”

Waqt li kien qiegħed imexxi laqgħa tal-kabinett fil-bini Fondazzjoni Inspire, il-Prim Ministru tkellem dwar l-importanza li kull persuna tersaq lejn ħajja aktar indipendenti.

Tkellem dwar il-ġustizzja soċjali li xejn ma ġiet imxekkla mill-isfidi tal-pandemija. Dan hekk kif kompla jonqos il-faqar. Għalkemm irrikonoxxa li l-faqar għadu jeżisti, permezz ta’ riformi kbar li qed jaħdem fuqhom dan il-gvern dan se jkompli jiġi indirizzat fix-xhur li ġejjin. Xhieda ta’ dan hija r-riforma fil-kirjiet ta’ qabel 1995.

Rigward il-persuni b’diżabilità, Abela qal li pajjiżna se jkun qiegħed jiġi konformi mal-konvenzjoni tal-ġnus magħquda dwar id-drittijiet ta’ persuni b’diżabilità li pajjiżna huwa diġà firmatarju tagħha. Dan se jwassal li biex mill-kliem se nkunu qed ngħaddu għall-fatti biex tiżdied l-aċċessibbilità f’postijiet bħalma huma l-bajjiet, ċentri sportivi u mezzi ta’ trasport.

Dwar l-anzjani, Abela qal li dan il-gvern investa kemm felaħ fl-anzjani. Fakkar dwar dak li kienu jgħaddu minnu tmien snin ilu, u sostna li qed issir ħidma kontinwa biex l-anzjani kemm jista’ jkun jibqgħu jgħixu fil-bliet u l-irħula li twieldu u trabbew fihom.

Tkellem dwar numru ta’ nuqqasijiet indikati fir-rapport tal-awdituri b’rabta mas-servizzi mogħtija f’San Vinċenz. Abela qal li dan ir-rapport se jkun analizzat b’reqqa sabiex jitjieb il-livell tal-għajxien tal-anzjani.

Tkellem dwar il-prijorità tal-vulnerabbli meta beda l-proċess tat-tilqim u li llum ħafna minn dawn l-individwi jistgħu jibdew jgħixu mill-ġdid. Huwa tenna jgħid li individwi li tkellmu miegħu qalulu li minħabba li huma mlaqqmin, filwaqt li qed josservaw il-miżuri indikati mill-awtoritajiet, qed iħossuhom kunfidenti li joħorġu jixtru mingħajr biża’.

Share With: