RIS ta’ EIT Manifattura tniedi b’€5 miljun f’attivitajiet biex tixpruna l-kompetittività tal-industrija Ewropea tal-manifattura

L-Iskema ta’ Innovazzjoni Reġjonali (RIS) ta’ EIT Manifattura għandha l-għan li tappoġġja organizzazzjonijiet innovattivi b’għajnuna finanzjarja u opportunitajiet ta’ networking sabiex tiżdied ir-reżiljenza u l-kompetittività tal-industrija. Il-programm ikopri t-tliet pilastri tat-Triangolu tal-Għarfien: l-innovazzjoni, l-edukazzjoni u l-ħolqien tan-negozju, u dan mhux biss biex tissaħħaħ il-kapaċità għall-innovazzjoni, iżda wkoll biex tiġi żgurata forza tax-xogħol futura b’ħiliet għolja u t-trasferiment tal-għarfien f’pajjiżi fejn l-innovazzjoni hi modesta u moderata.

Il-programm RIS 2021 ta’ EIT Manifattura hu maħsub biex jgħin lil individwi, negozji, inklużi intrapriżi żgħar u medji (SMEs), negozji ġodda, negozji li qed jespandu, korporattivi, Organizzazzjonijiet tar-Riċerka u t-Teknoloġija (RTOs), u Universitajiet sabiex jikkontribwixxu għall-ekosistema tal-innovazzjoni tal-Ewropa: b’soluzzjonijiet u ideat ġodda għall-manifattura li joriġinaw minn Stati Membri tal-UE u Pajjiżi Assoċjati ta’ Orizzont Ewropa li huma eliġibbli, ċjoè pajjiżi li huma innovaturi modesti u moderati skont it-Tabella ta’ Valutazzjoni tal-Innovazzjoni Ewropea. EIT Manifattura hi komunità ta’ innovazzjoni appoġġjata mill-Istitut Ewropew tal-Innovazzjoni u t-Teknoloġija (EIT), li hu korp tal-Unjoni Ewropea.

“L-Iskema ta’ Innovazzjoni Reġjonali hija strument tal-EIT li qed jingħata prijorità. Ġiet imfassla biex tipprovdi appoġġ immirat lil firxa wiesgħa ta’ pajjiżi u reġjuni fl-Ewropa, billi ssaħħaħ il-kapaċità għall-innovazzjoni, ir-riżerva ta’ talent, u l-integrazzjoni tagħhom fi ħdan l-attivitajiet tal-EIT. Aħna ħerqana biex ikollna aktar parteċipanti u atturi reġjonali b’potenzjal għoli mill-industrija tal-manifattura li jingħaqdu mal-ikbar ekosistema tal-innovazzjoni fl-Ewropa, u jagħtu sehemhom biex titwettaq aktar innovazzjoni madwar l-Ewropa,” qal Luke Incorvaja, Uffiċjal tal-Istrateġija tal-Istitut Ewropew tal-Innovazzjoni u t-Teknoloġija.

“L-ambitu ġeografiku tal-Iskema ta’ Innovazzjoni Reġjonali tal-EIT hu importanti għal EIT Manifattura u għall-industrija Ewropea tal-manifattura kollha kemm hi. Bosta manifatturi Ewropej magħrufa, ħafna minnhom mexxejja tas-suq globali, jiddependu fuq fornituri, sottokuntratturi u provdituri ta’ soluzzjonijiet ibbażati f’dawn il-pajjiżi,” qal Dott. Konstantinos Georgoulias, Direttur tal-Iskema ta’ Innovazzjoni Reġjonali u tal-Affarijiet tal-UE ta’ EIT Manifattura.

L-industrija tal-manifattura hija bażi globali għall-prosperità u kruċjali għas-sostenibbiltà ekonomika, soċjali u ambjentali tal-Ewropa. Aktar minn 2 miljun kumpanija tal-manifattura jipprovdu ’l fuq minn 32 miljun impjieg fl-Ewropa. It-tkattir tar-reżiljenza tal-industrija fl-Ewropa huwa importanti sabiex l-ekonomija Ewropea tinżamm f’saħħitha u l-kompetittività tagħha tingħata spinta globalment.

Fl-2021, b’baġit approssimattiv ta’ EUR 5 miljun, se jkun qed jittella’ sett twil ta’ attivitajiet RIS ta’ EIT Manifattura fi 18-il pajjiż eliġibbli. Dawn l-attivitajiet ikopru kull wieħed mit-tliet pilastri tat-Triangolu tal-Għarfien EIT: attivitajiet Edukattivi li jinteressaw lill-istudenti sabiex tiġi żgurata forza tax-xogħol futura b’ħiliet għolja, kif ukoll fabbriki tat-Tagħlim u tal-Apprendiment biex jiġi trasferit l-għarfien u jitnaqqas id-distakk bejn l-industrija u l-akkademja; attivitajiet ta’ Innovazzjoni biex jiġu appoġġjati soluzzjonijiet innovattivi li joriġinaw minn pajjiżi eliġibbli, u b’hekk jiġi faċilitat it-tkabbir u l-ħolqien tal-impjiegi; u attivitajiet ta’ Ħolqien tan-Negozju biex jingħata appoġġ lil negozji ġodda u SMEs lokali.

Sejħiet miftuħa fl-2021

Fl-2021 hemm, b’mod indikattiv, erba’ inizjattivi mill-portafoll RIS ta’ EIT Manifattura, li għalihom applikanti esterni potenzjali jistgħu japplikaw issa stess jew fil-futur qarib: EIT Jumpstarter, L-evoluzzjoni tar-riżultati tar-riċerka fil-manifattura, Leaders, u l-kompetizzjoni BoostUp! RIS. Aktar informazzjoni dwar dawn l-opportunitajiet RIS ta’ EIT Manifattura, u dawk kollha futuri, tinsab fis-sit elettroniku ta’ EIT Manifattura.

EIT Jumpstarter hu mmirat lejn dawk l-individwi/timijiet minn pajjiżi EIT RIS li għandhom ideat innovattivi imma jeħtieġu l-għajnuna sabiex jikkonvertuhom f’negozju. Il-programm jipprovdi gwida mogħtija mill-aqwa esperti fil-qasam, kif ukoll għarfien biex jivvalidaw ideat ġodda u għajnuna biex jikkreaw mudell ta’ negozju madwarhom. Individwi b’ideat innovattivi jistgħu japplikaw sat-30 ta’ April. It-taħriġ jibda f’Ġunju u jibqa’ sejjer sa Novembru. Matul dan il-perjodu, se jkun hemm diversi sessjonijiet ta’ taħriġ u mentoraġġ għat-timijiet magħżula.

Għal SMEs, Universitajiet, u RTOs li jixtiequ jniedu l-proġetti innovattivi tagħhom fis-suq, EIT Manifattura waqqfet l-Evoluzzjoni tar-riżultati tar-riċerka fil-manifattura. Dan il-programm jaċċellera t-tnedija fis-suq ta’ proġetti innovattivi permezz ta’ networking u appoġġ finanzjarju biex jiġi żviluppat prodott jew servizz lest għas-suq. Fi ħdan il-qafas tal-programm, it-timijiet magħżula se jkollhom ilestu l-prototip tagħhom u jittestjawh f’ambjent tas-suq reali.

Timijiet jew kumpaniji minn pajjiżi eliġibbli għall-EIT RIS qed jiġu mistiedna wkoll biex jissottomettu l-proposti innovattivi tagħhom u jipparteċipaw fl-inizjattiva BoostUp! RIS 2021. Dan l-avveniment huwa vetrina għall-innovazzjoni u t-teknoloġiji tal-manifattura mill-aktar avvanzati fl-Ewropa. Il-kompetizzjoni hija parti mill-“Manufacturing Days powered by EIT Manufacturing” waqt ViennaUP’21, wieħed mill-akbar festivals tan-negozji ġodda fl-Ewropa, u se tittella’ fil-11 u t-12 ta’ Mejju. Bħala parti mill-avveniment, il-finalisti tal-kompetizzjoni tal-pitching BoostUp! RIS 2021 se jippreżentaw l-ideat u s-soluzzjonijiet tagħhom waqt li jikkompetu għal premjijiet finanzjarji u pakketti dedikati ta’ servizzi ta’ appoġġ provduti mit-tim tal-Ħolqien tan-Negozju ta’ EIT Manifattura. Aktar informazzjoni dwar BoostUp! RIS 2021 tinstab hawn.

Rekord b’saħħtu fl-2020

Fl-2020, EIT Manifattura kisbet suċċess kbir permezz tal-attivitajiet RIS tagħha madwar il-pajjiżi RIS. Pereżempju, fir-rigward ta’ attivitajiet edukattivi, seba’ Msieħba ta’ EIT Manifattura minn ħames pajjiżi RIS involvew aktar minn 1,500 student tas-sekondarja f’webinars dwar ir-robotika u d-diġitalizzazzjoni, fejn tgħallmu kif l-industrija tal-manifattura tista’ tkun karriera futura attraenti għalihom. ’Il fuq minn 1,000 individwu kienu involuti f’attivitatjiet EIT RIS madwar l-Ewropa kollha, u 50 attività ta’ sensibilizzazzjoni ġew organizzati mit-13-il Hub RIS ta’ EIT Manifattura f’numru kbir ta’ pajjiżi RIS.

Fir-rigward ta’ proġetti li jlaqqgħu flimkien l-akkademja u l-industrija, tmien Proġetti ta’ Fabbriki tat-Tagħlim u sitt Proġetti ta’ Fabbriki tal-Apprendiment twettqu bl-involviment ta’ aktar minn 20 organizzazzjoni minn pajjiżi EIT RIS, fejn studenti, riċerkaturi, u inġiniera minn diversi kumpaniji tal-manifattura ħadmu flimkien sabiex b’mod reċiproku jiżviluppaw il-ħiliet u flimkien jikkreaw soluzzjonijiet għall-isfidi tal-manifattura industrijali.

Fl-ambitu ta’ attività EIT RIS oħra li saret fl-2020, imsieħba ta’ EIT Manifattura organizzaw sejħiet għal kumpaniji f’pajjiżi EIT RIS li kienu jeħtieġu appoġġ fit-trasformazzjoni diġitali tagħhom. Kollox ma’ kollox, bis-saħħa ta’ dan il-proġett RIS, 22 kumpanija minn disa’ pajjiżi EIT RIS issa għandhom għarfien aħjar dwar il-livell ta’ maturità tagħhom f’dik li hi diġitalizzazzjoni u kellhom iċ-ċans li jagħżlu l-pass l-iktar importanti li jmiss fil-vjaġġ tagħhom lejn id-diġitalizzazzjoni, bis-saħħa ta’ konsulenza ad hoc mingħand esperti.

Avveniment ewlieni ieħor żvolġa fir-rebbiegħa tal-2020 meta, waqt l-ewwel mewġa tal-pandemija tal-COVID-19, it-tim tar-riċerka tal-Istitut Ċek għall-Informatika, ir-Robotika u ċ-Ċibernetika fi ħdan l-Università Teknika Ċeka fi Praga (CIIRC CTU) żviluppa u ċċertifika l-maskra protettiva li tgħatti nofs il-wiċċ RP95, stampata 3D, li tipprovdi l-ogħla livell ta’ protezzjoni. F’kollaborazzjoni man-negozju ġdid TRIX Connections, u b’kontribuzzjoni finanzjarja fi ħdan l-attività RIS DigTrafoRIS ta’ EIT Manifattura, il-maskra ġiet avvanzata aktar permezz ta’ app tal-ismartphone li tiskennja l-wiċċ u tippermetti l-għażla ta’ siġill f’qies addattat biex il-maskra tiffittja sew mal-wiċċ.

“RIS ta’ EIT Manifattura hija strument ta’ valur kbir li jappoġġja l-ekosistema tal-manifattura lokali bl-għan li jsaħħaħ il-kapaċità tagħha għall-innovazzjoni u jistimola t-trasferiment tat-teknoloġija,” qal is-Sur Petr Samanek, ir-rappreżentant tal-Hub ta’ EIT Manifattura fir-Repubblika Ċeka, hu u jaqsam l-esperjenza tiegħu.

Aktar informazzjoni tinsab fis-sit www.eitmanufacturing.eu

Informazzjoni ġenerali

L-Istitut Ewropew tal-Innovazzjoni u t-Teknoloġija (EIT) isaħħaħ il-kapaċità tal-Ewropa għall-innovazzjoni billi jixpruna soluzzjonijiet għall-isfidi globali urġenti u jrawwem it-talent intraprenditorjali sabiex jinħoloq tkabbir sostenibbli u impjiegi b’ħiliet għolja fl-Ewropa. L-EIT huwa korp tal-UE li hu parti integrali minn Orizzont Ewropa, il-Programm Qafas tal-UE għar-Riċerka u l-Innovazzjoni. L-Istitut jappoġġja l-iżvilupp ta’ sħubijiet pan-Ewropej dinamiċi – Komunitajiet ta’ Konoxxenza u Innovazzjoni (KKI) tal-EIT – fost kumpaniji ewlenin, laboratorji tar-riċerka u universitajiet.

EIT Manifattura hi appoġġjata mill-Istitut Ewropew tal-Innovazzjoni u t-Teknoloġija (EIT), li hu korp tal-Unjoni Ewropea. Hija waħda minn tmien komunitajiet ta’ innovazzjoni fi ħdan l-EIT. L-oħrajn huma EIT KIC-Klima, EIT Diġitali, EIT Ikel, EIT Saħħa, EIT InnoEnerġija, EIT Materja Prima, and EIT Mobilità Urbana. L-għan ewlieni ta’ EIT Manifattura huwa li tressaq flimkien il-partijiet interessati Ewropej li jiffukaw fuq il-manifattura f’ekosistemi ta’ innovazzjoni li jżidu valur uniku għall-prodotti, proċessi u servizzi Ewropej u jispiraw il-ħolqien ta’ manifattura kompetittiva globalment u sostenibbli. EIT Manifattura tlaqqa’ flimkien aktar minn 65 organizzazzjoni (universitajiet, istituti tar-riċerka u negozji) fosthom, pereżempju: Atos, Avio Aero, CEA – il-Kummissjoni għall-Enerġija Atomika u l-Enerġiji Alternattivi, l-Università tat-Teknoloġija Chalmers, Comau, l-Università Teknika Ċeka fi Praga, il-Grupp ESI, Festo, il-Grupp Fives, Fraunhofer Gesellschaft, INESC TEC, l-Istitut Jozef Stefan, Magna, MONDRAGON, Politecnico di Milano, PRIMA, P&G, Sandvik Machining Solutions, TU Darmstadt, voestalpine High Performance Metals, Volkswagen, il-Grupp Volvo, VTT, Whirlpool.

L-Iskema ta’ Innovazzjoni Reġjonali tal-EIT (EIT RIS) hija maħsuba għall-Istati Membri tal-UE u Pajjiżi fl-Ewropa Assoċjati ta’ Orizzont 2020 li huma innovaturi modesti u moderati (skont it-Tabella ta’ Valutazzjoni tal-Innovazzjoni Ewropea) u fejn Komunitajiet ta’ Innovazzjoni ftit li xejn għandhom imsieħba. Strateġikament, l-iskema hija offerta addizzjonali għal dawn il-pajjiżi sabiex jiġi faċilitat l-impenn tagħhom mal-Komunitajiet ta’ Innovazzjoni tal-EIT. L-EIT RIS isservi l-għan li tipprovdi appoġġ immirat lil individwi u entitajiet minn pajjiżi eliġibbli għall-EIT RIS sabiex jieħdu sehem fl-attivitajiet tal-KKI u jibbenefikaw mis-servizzi u l-programmi tal-KKI.

EIT Manifattura – Biex l-Innovazzjoni Sseħħ!

Dettalji tal-Kuntatt:

Għal mistoqsijiet mill-media: Jo Caruana, Finesse Group. Email: jo@byfinessegroup.com, Tel: +356 9946 2273

Għal mistoqsijiet ġenerali dwar l-Iskema RIS ta’ EIT Manifattura: ris@eitmanufacturing.eu 

Aktar informazzjoni fis-sit www.eitmanufacturing.eu

Share With: