“Qatt mhu favur l-omm meta jinqatel frottha f’ġufha”

“Qatt mhu favur l-omm meta jinqatel frottha f’ġufha. Qatt mhu favur l-umanità meta min hu b’saħħtu jirbaħ fuq id-dgħajjef. Qatt mhu dritt li tieħu r-riedni tal-ħajja tal-vulnerabbli f’idejk biex flok tagħtihom l-ogħla protezzjoni tagħmel dak li jaqbillek; anki toqtolhom. Hu għajb għal min jissejjaħ tabib li joqtol il-ħajja. Hu għajb għal min jissejjaħ bniedem li jagħti lok li ħuh jinqatel.”

Hekk qal l-Arċipriet Fr D Joseph Curmi f’messaġġ mibgħut lid-Deputata Indipendenti Marlene Farrugia. Bosta persuni qalu l-opinjoni tagħhom wara li Farrugia ppreżentat abbozz ta’ liġi li jiddikriminalizza l-abort f’Malta. Filwaqt li kien hemm uħud li sejħu dan bħala mument storiku, bosta kienu dawk li ddisassoċjaw ruħhom mill-fehmiet tagħha.

Intant, fil-messaġġ tiegħu l-Arċipriet Fr D Joseph Curmi jkompli jgħid: “Kont int li sħaqt li qatt ma tista’ tkun favur ta’ dan l-aġir u ta’ liġijiet simili. U issa għandek il-periklu li jkollok idejk imċappsa b’demm sieket ta’ ġenoċidju. Politikament jista’ jkun li se tagħmel ħoss għal ftit, imma moralment u etikament b’dan kollu missejt il-qiegħ.”

Huwa żied jgħid: “Nifhem li l-abort qed isir kull kif, imma b’daqshekk ma nistgħux ngħidu li hu permessibbli, li mhux kundannabbli jew li mhux att kriminali. Dan hu logħob bil-kliem. B’daqshekk ma nistgħux nibdew ngħaddu l-messaġġ li l-ħajja umana hi prodott għall-konsum. Jekk bħala persuna politika ridt taħdem għall-ġid tal-mara, messek preżentajt liġi biex il-missier ma jkunx ħieles mir-responsabbiltà.”

Qal ukoll: “Messek preżentajt liġi biex l-omm li tieħu ħsieb lil uliedha tiġi meqjusa tal-inqas daqs persuna li tieħu ħsieb anzjan. Jekk ridt tagħmel servizz lill-mara messek ipproponejt liġi li taġevola l-edukazzjoni tat-tfal u ż-żgħażagħ għal relazzjonijiet maturi. Jekk ridt taġevola lill-mara messek tħabatt biex isir iktar dinjituż u faċli li wieħed jirrapporta vjolenza u iktar ħarxa l-piena għal min juża u jabbuża mill-mara u mhux liġi li tgħid li mhux kriminali li wieħed joqtol. Kif tista’ ssejjaħ subordinazzjoni tal-mara, ġlieda fejn l-iktar dgħajjef se jispiċċa mejjet sempliċiment għax hu d-dgħajjef?”

Temm jgħid li ideat u opinjonijiet differenti jista’ jkun hemm fis-soċjetà, iżda l-ebda opinjoni ma jistħoqqilha tissejjaħ tali jekk hi illoġika, parzjali u egoista.

Share With: