Proġett ta’ stazzjon tat-tifi tan-nar fil-Furjana b’investiment ta’ €3.4 miljun

Il-Ministri Ian Borg u Byron Camilleri żaru l-lokalità tal-Furjana fejn ġie ffirmat ftehim bejn id-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili u l-entità Projects Plus Ltd, sabiex isir il-proġett tal-istazzjon tat-tifi tan-nar fil-Furjana b’investiment ta’ €3.4 miljun.

Dan il-proġett jikkonsisti fil-kostruzzjoni ta’ stazzjon tat-tifi tan-nar fil-Furjana li għalih diġà hemm permess għall-ippjanar u li se jkun ukoll siżmiku. L-istazzjon se jkun mgħammar b’vetturi apposta biex joffri servizz aħjar fiż-żona tal-Belt, il-Furjana u l-madwar. Wieħed mill-għanijiet ta’ dan il-proġett se jkun li jħares u jipproteġi l-patrimonju tal-UNESCO. Hekk kif il-Belt Valletta hija sit ta’ wirt dinji, dan il-proġett se jkun essenzjali biex f’każ li jinqalgħu xi nirien, dan jiġi trattat mill-ewwel.

Il-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali Ian Borg qal, “Permezz ta’ dan il-ftehim, se nagħtu bidu għall-proġett ieħor favur servizz essenzjali ieħor għall-pajjiżna, dak tat-tifi tan-nar. Aħna rridu nkunu ċerti u kommessi li noffru l-aqwa kundizzjonijiet biex dawn is-servizzi jiġu operati fl-aqwa ambjent u bl-aktar effiċjenza possibbli, u qegħdin nagħtu l-għajnuna kollha meħtieġa għax aħna nemmnu fihom, nemmnu fis-servizzi li joffru u fuq kollox fis-sigurtà u l-protezzjoni li jagħtu lil kull ċittadin.”

Il-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà Nazzjonali u l-Infurzar tal-Liġi spjega kif dan l-istazzjon se jservi biex il-komunitajiet tal-madwar jingħataw servizz aħjar u aktar effiċjenti. “Minn żona mitluqa, din l-art se tinbidel f’post state-of-the-art li se jwassal għal soċjetà iktar sigura. Permezz ta’ dan l-investiment, id-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili jinsab fl-aqwa tiegħu, hekk kif matul l-aħħar snin saru investimenti kbar teknoloġiċi u infrastrutturali.”

L-irwol tal-entità Projects Plus se tkun li tmexxi l-Proġett tal-Kostruzzjoni u, permezz tar-riżorsi tekniċi speċjalizzati tagħha, se tkun qed tassisti fl-akkwist u tindirizza l-iżviluppi fid-dettalji arkitettoniċi, tal-inġinerija u tal-informatika.

Ix-xogħol tal-infrastruttura fuq dan il-proġett mistenni li jibda fl-2022 u huwa stmat li jitlesta lejn l-aħħar tal-2024.

Share With: