Proġett ta’ riġenerazzjoni tal-ġnien Romeo Romano f’Santa Venera

Bandli, Kitchen Garden u tħawwil ta’ siġar bħala parti mill-investiment

Minn Anthea Cachia

Il-Ministru għall-Ambjent, it-Tibdil fil-Klima u l-Ippjanar, Aaron Farrugia, ħabbar li se jsir proġett ta’ riġenerazzjoni u sbuħija, tat-tieni l-akbar ġnien f’pajjiżna, dak ta’ Romeo Romano f’Santa Venera. Permezz ta’ dan l-investiment ta’ aktar minn €1 miljun, dan il-ġnien se jintroduċi kunċett ġdid, ġnien sostenibbli lil hinn mill-plastik bi spazju miftuħ u b’ kitchen garden fi ħdanu, simili bħal dak tal-ġonna ta’ San Anton. 

“Dawn huma xogħolijiet li l-familji tal-madwar ilhom jistennew, speċjalment meta nafu li ż-żona hija waħda urbanizzata. Għal dawn l-aħħar xhur kellna żewġ prinċipji li gwidawna. Fl-ewwel stadju, kien importanti li nieħdu l-konjizzjoni tal-valur u l-istorja ta’ dan il-ġnien u li dawn l-interventi jkunu minimi, imma b’għaqal. It-tieni prinċipju ikun dak ta’ proġett sostenibbli,” saħaq il-Ministru Farrugia. 

Għal dawn l-aħħar snin, dan il-ġnien il-maġġoranza tiegħu kien magħluq u mhux aċċessibbli għall-poplu Malti u Għawdxi.  Deskritt bħala “il-pulmun aħdar tal-lokalità”, ix-xogħolijiet f’dan il-ġnien se jibdew fil-ġimgħat li ġejjin u permezz tal-investimetn minn greenserve se jinfetaħ kollu għall-pubbliku.

Fih se jkun hemm bandli atrezzat bil-materjal tal-injam, kunċett li ġie nspirat minn ibliet u rħula oħra fl-Ewropa, li jmur lil hinn mill-plastik u konkos, “li esperjenzajna fl-aħħar żmien”.

Apparti minn hekk  dan il-ġnien se jkun iddedikat għal attivitajiet ta’ ġardinaġġ għat-tfal, se jsir fih manutenzjoni fuq il-ħitan u karatteristiċi storiċi oħra bħas-sienja, il-ġibjun tal-ilma tax-xita u s-sistema ta’ irrigazzjoni bl-użu ta’ kanali għall-ilma li tmur lura għas-seklu dsatax.

Il-Ministru Farrugia qal li dan il-proġett se jkun qed itejjeb is-saħħa u l-benesseri tar-residenti u tal-pubbliku ġenerali hekk kif se jkun qed iwassal għal kwalità ta’ ħajja aħjar billi jipprovdi ambjent sigur u trankwill biex jitgawda mill-familji Maltin. Spjega li l-proġett hu eżempju kif għandhom isiru proġetti simili fejn jiġi minimizzat jew evitat il-bżonn li jintuża plastik u konkos, permezz ta’ bandli tal-injam bħala parti minn kunċett ġdid.

“Din hija xi ħaġa li nixtiequ nroddu lura lil familji Maltin u Għawdxin. Inħarsu ‘l quddiem biex fil-ġimgħat li ġejjin jibda’ x-xogħol,” temm jgħid il-Ministru għall-Ambjent, it-Tibdil fil-Klima u l-Ippjanar. 

Share With: