Proġett ġdid kofinanzjat minn fondi Ewropej fuq l-imprenditorjal soċjali

Minn Claudio Coleiro

Matul din is-sena, il-Malta Enterprise se tkun qiegħda timplimenta proġett ġdid li huwa kofinanzjat minn fondi Ewropej fuq l-imprenditorjal soċjali. L-għan tal-proġett huwa li jinħolqu ekosistemi ta’ intrapriża soċjali wara l-pandemija tal-Covid-19. Fil-proġett se jkun hemm ukoll organizzazzjonijiet u msieħba oħra minn pajjiżi differenti inkluż l-Estonja u l-Irlanda. 

Ħabbret dan il-Ministru għall-Enerġija, l-Intrapriża u l-Iżvilupp Sostenibbli Miriam Dalli fil-‘winding up’ tad-diskussjoni parlamentari fuq l-Abbozz ta’ Liġi dwar l-Intrapriżi Soċjali. 

Il-Ministru Dalli qalet li l-imsemmi proġett għandu erba’ għanijiet prinċipali: li wieħed jifhem aħjar x’inhi intrapriża soċjali, li jkunu identifikati l-istakeholders rilevanti biex ikun hemm skambju ta’ best-practices, li jkun hemm qafas lokali li jassisti l-intrapriżi soċjali f’ekonomija post-Covid u li l-intrapriżi soċjali juru l-potenzjal tagħhom billi tingħatalhom assistenza ħalli jkunu jistgħu jmexxu ‘l quddiem prodotti jew servizzi tagħhom fost l-imsieħba tal-proġett innifsu.

Hija qalet ukoll li “irridu nilħqu tliet miri ewlenin – li nqajmu aktar għarfien dwar il-kunċett ta’ intrapriża soċjali f’pajjiżna, li ntejbu s-sistema u jkollna evalwazzjoni tal-impatt tal-Covid fuq dawn l-intrapriżi. 

“Eventwalment dawn se jkunu preżentati f’rapport b’numru ta’ rakkomandazzjonijiet li l-għan prinċipali huwa li jindirizza n-nuqqas eżistenti u l-bżonnijiet speċifiċi tal-intrapriżi soċjali f’pajjiżna. 

“Għalhekk permezz ta’ qafas legali u amministrattiv se nkunu nistgħu ngħinu intrapriżi soċjali biex jibbenefikaw minn fondi u inizjattivi,” tenniet il-Ministru Dalli. 

Share With: