Pjan fit-tul ta’ rilaxx ta’ miżuri jekk jinżamm il-kontroll fuq il-każi

Waqt li kien qiegħed jindirizza konferenza tal-aħbarijiet, id-DPM Chris Fearne ħabbar li llum se jkunu qed jitħabbru disa’ keżi ġodda ta’ Covid-19 f’pajjiżna fl-aħħar sigħat. Huwa kkonferma li l-każi ta’ rkupru huwa akbar u b’hekk is-sitwazzjoni tal-każi attivi baqgħet titjieb.

Il-Ministru Chris Fearne qal li l-iskop ta’ din il-konferenza hi li tagħti lok għal ippjanar aħjar għall-familji Maltin u Għawdxin.

Miżuri pjanati jekk kemm-il darba jinżamm kontroll fuq il-każi

Mit-Tnejn 17 ta’ Mejju, il-Ministru għall-Anzjani u l-Anzjanità attiva Michael Farrugia se jħabbar rilaxx tal-miżuri li jirrigwardjaw lid-djar tal-anzjani. Fost tibdil fil-protokoll se jkunu qed jiżdiedu l-viżitaturi u mill-ġranet ta’ wara jista’ jibda l-ħruġ tal-anzjani wkoll.

Fl-24 ta’ Mejju, ir-ristoranti u l-isnack bars jistgħu jibqgħu miftuħin sa nofsillejl. Il-pools se jkunu qed jiftħu sat-8:00 p.m iżda restritti li ma jsirux attivitajiet li ma jkunux relatati mal-għawm. Dakinhar se jkunu jistgħu jiftħu l-gyms u d-day centres. Jibda wkoll jiġi prattikat il-contact sports għal dawk ‘il fuq minn 17-il sena.

Fl-1 ta’ Ġunju hemm il-mira li pajjiżna jiftaħ għat-turiżmu. Pajjiżna se jkun qiegħed jilqa’ persuni li jippreżentaw test negattiv għall-Covid-19. Il-ħsieb huwa li pajjiżna jitqies bħala pajjiż sigur u b’hekk jitpoġġa fil-lista l-ħadra fl-aġenda ta’ pajjiżi barranin. Dakinhar jibdew jiġu aċċettati tiġijiet b’massimu ta’ 100 pesuna fuq ġewwa u 300 persuna fuq barra.

Jekk in-numri jippermettu fis-7 ta’ Ġunju r-ristoranti u l-isnack Bars se jkunu jistgħu jżidu n-numri ta’ persuni fuq l-istess mejda minn erba’ għal sitta. Jiftħu wkoll ic-cinemas u t-teatri. Jkun jista’ jsir ukoll team sports mingħajr spettaturi u jiġi estiż il-contact sports.

Jiftħu wkoll il-bars u l-każini li se jilqgħu lill-klijenti li jridu joqogħdu bilqiegħda.

Jiftħu wkoll stabbilimenti tal-gaming u tal-betting.

Fit-28 ta’ Ġunju jista’ jkun li se jkunu qed jiftħu wkoll is-Summer Schools.

Il-Ministru Chris Fearne tkellem dwar l-importanza tal-użu tal-maskri. Fearne qal li l-użu tal-maskri issa jippermettilna li nneħħu restrizzjonijiet oħrajn. Rigward il-maskri fil-bajjiet, Fearne qal li għalkemm rakkomandat li tintlibes il-maskra, mill-1 ta’ Ġunju mhijiex se tkun enforzabbli bil-liġi. Huwa kkonferma li skont studji xtentifiċi li saru rriżulta li maskra mxarrba ma taħdimx u b’hekk f’din se tkun l-unika eċċezzjoni.

Rigward l-ivjaġġar, Fearne sostna dwar l-importanza taċ-ċertifikat tal-vaċċin jew test negattiv għall-Covid-19. Fil-ġranet li ġejjin, pajjiżna se jkun qiegħed jibda joħroġ iċ-ċertifikati tal-vaċċin u b’hekk il-Maltin u l-Għawdxin se jkunu jistgħu jivjaġġaw mingħajr restrizzjonijiet f’pajjiżna. Dan iċ-ċertifikat tat-tilqim se jkun applikat ukoll għal meta jinfetħu attivitajiet li jġibu aktar nies flimkien.

Il-programm tat-tilqim

Fearne ħabbar li lbieraħ ingħata rekord ta’ tilqim u dan hekk kif ngħataw 7,008 dożi. Minn dawn kien hemm 5,595 minnhom l-ewwel doża li jammontaw għal 1.3 fil-mija tal-popolazzjoni tagħna. Bħala medja dan ifisser li kien hemm medja ta’ tilqima kull 12-il sekonda.

Il-grupp ta’ bejn 30 u 39 sena fi ftit sigħat laħaq 47,700 persuna li rreġistraw jew li ħadu t-tilqima. Il-proċess fl-etajiet l-oħrajn miexi tajjeb ħafna wkoll.

Il-Johnson & Johnson bdiet tintuża mil-lum. Kien hemm dan id-dewmien għaliex l-ewwel konsenji kienu żgħar u b’hekk b’responsabbilità kien hemm stennija għal tliet konsenji tal-vaċċin. Il-Professur Charmaine Gauci kkonfermat li ommijiet li qegħdin ireddgħu jistgħu jitlaqqmu bil-vaċċini kollha li għandna disponibbli f’pajjiżna. Hija sostniet dwar il-kuntatt kontinwu bejn l-omm u t-tarbija u b’hekk l-importanza li l-omm tieħu l-prekawzjonijiet meħtieġa u b’hekk titlaqqam kontra l-virus.

Jekk l-Aġenzija Ewropea għall-mediċina tapprova xi wieħed mill-vaċċini għall-etajiet ta’ bejn it-12 u l-15-il sena, pajjiżna għandu biżżejjed dożi biex jibda jlaqqam ukoll lil dawn il-persuni.

Aktar Qabel: Fil-ħin li ġej id-Deputat Prim Ministru u Ministru tas-Saħħa flimkien mas-Supretendent tas-Saħħa Pubblika Charmaine Gauci se jkunu qegħdin jindirizzaw konferenza tal-aħbarijiet.

Il-konferenza se tkun qiegħda tixxandar b’mod dirett minn dan is-sit u se tkun qiegħda tibda għall-ħabta tal-10:30 a.m.

Share With: