“Persuna jista’ jkollha episodji qosra ta’ mard mentali”

Għarfien dwar periklu f’daqqa li jista’ jolqot lil kulħadd

Minn Carmen Cachia

Episodji ta’ paniku u perjodi ta’ mard mentali għal żmien qasir huma possibbli. L-importanti huwa li tittieħed azzjoni konkreta u f’waqtha biex isiru l-interventi meħtieġa. Dan kien ikkonfermat mill-psikjatra u Kap tal-Crisis Resolution Malta, Dr Mark Xuereb, b’referenza għal każijiet ta’ persuni li minn ħajja normali jidħlu f’periklu serju f’daqqa waħda minħabba mard mentali. 

Waħda minn dawn il-persuni hija Josette Grima, li f’intervista ma’ dan is-sit tirrakkonta kif f’perjodu ta’ sentejn hija mardet serjament b’mard mentali imma “b’miraklu” irnexxielha terbaħ din il-kundizzjoni li kważi wassalitha biex ittemm ħajjitha. It-trobbija tat-tfal, ix-xogħol u r-rutina kienu affarijiet li Josette kienet tħobb tagħmel. Dan sakemm hija bdiet issofri minn ansjetà kbira li żviluppat f’dipressjoni, leħen fil-moħħ, attentanti suwiċida u bżonn ta’ kura kemm fl-emerġenza u l-ITU ta’ Mater Dei, kif ukoll f’Monte Carmeli. 

Is-sitwazzjoni ferm iebsa tagħha, grazzi għal diversi fatturi, illum il-ġurnata hija biss memorja u rebħa personali fuq din il-kundizzjoni perikoluża. Il-fatt li l-moħħ tal-bniedem qisu jixgħel u jitfi b’dan il-mod, inħossu li hemm bżonn ta’ għarfien dwar din ir-realtà possibbli għal kull wieħed u waħda minnha.

4,000 persuna f’Malta b’episodji ta’ psikożi qosra

“Wieħed jista’ jkollu episodji qosra ta’ mard mentali. Jista’ jkun li l-qalb tibda tħabbat bil-paniku u li persuna ma jkollhiex għarfien tal-bijoloġija tal-moħħ. Allura, persuna tibda tipperċepixxi dawn is-sensazzjonijiet tal-ġisem fosthom li tħoss qalbek toħroġ minn sidrek u tistordi, bil-konsegwenza li ssir aktar konxja fuqhom. Aktar ma mbagħad issir konxja fuqhom, aktar ikun hemm attakki ta’ paniku li saħansitra jistgħu jwasslu għal ħsibijiet ta’ suwiċidju,” spjega Dr Mark Xuereb.

Dan il-psikjatra faħħar is-suċċess ta’ Josette u ddeskrivih bħala rebħa kbira li turi kemm interventi f’waqthom jgħinu biex persuni bħalha jsibu l-għajnuna u s-sostenn li jkollhom bżonn fl-aktar mumenti diffiċli. 

Mhux b’referenza għall-każ tagħha, il-Kap tal-Crisis Team tkellem ukoll dwar persuni li jgħaddu minn episodju psikotiku qasir. Dan huwa mard mentali serju imma jdum inqas minn xahar. Fatturi ta’ riskju huma affarijiet bħal droga, alkoħol, ambjent mhux ideali, ġenetika, żbilanċ tal-melħ fil-ġisem, tumur jew saħansitra diżabilitajiet fiżiċi li jistgħu jwasslu għal din id-diżordni.

F’Malta, bejn wieħed u ieħor 1 minn kull 100 persuna (madwar 4,000 ruħ) ikollhom din il-marda serja. Huwa qal li, “ta’ min isemmi li l-Crisis Teams jaħdmu fuq l-early intervention psychosis li huma linji gwida internazzjonali li qegħdin hemm biex wieħed jilqa’ mill-ewwel għal dawn is-sintomi”. Is-sintomi jistgħu jibdew jinħassu sforz ta’ stress kbir li jiġi għal diversi raġunijiet. Imbagħad hemm dik li nsejħulha l-“prodormal phase” fejn persuna tinqata’ għaliha, tibki, qalbha tħabbat, uġigħ ta’ ras, problemi fl-istonku nuqqas ta’ konċentrazzjoni, nuqqas ta’ ħeġġa għall-ħruġ jew l-iġjene personali, fost l-oħrajn.

“Ma jfissirx li dawn is-sintomi kollha se jwasslu għal problemi ta’ saħħa mentali, iżda, jistgħu jwasslu għal dik il-fażi akuta fejn il-persuna tibda tħallat ir-realtà mal-fantasija. Hawnhekk saħansitra persuna tibda tisma’ u tara affarijiet li m’humiex hemmhekk u wieħed jista’ jkollu psikożi fejn ibati minn delużjonijiet tant li jitlef il-kuntatt mar-realtà,” kompla Dr Xuereb.

Il-Kap tal-Crisis Team ta’ Malta qal li dawn is-sintomi, però jistgħu xi drabi b’għajnuna psikoloġika, ambjent tajjeb u ħafna paċenzja, imajnaw u jmorru waħidhom. Iżda, huma importanti l-kura, is-sorveljanza u t-terapija biex il-persuna tkun tista’ toħroġ minn din il-kundizzjoni.

Vantaġġi ta’ kura fi sptar…

Dr Xuereb semma’ l-fatt li meta persuna tidħol għall-kura fi sptar, din tiswa bħala terapija u dan anke minħabba li l-ambjent, l-esperjenza u l-professjonalità tal-istaff li jaħdmu bħala tim biex jgħinu persuna terġa’ tkun sana mil-lat kemm fiżiku, kif ukoll dak psikoloġiku. ”Vantaġġ ieħor huwa li persuna tkun sorveljata intensament u jkun hemm ukoll serħan il-moħħ għall-qraba tal-pazjenti,” kompla l-psikjatra.

Huwa qal li xi drabi l-Isptar Monte Carmeli huwa kkritikat inġustament minħabba li bir-risorsi li hemm, in-nies fih u anke fil-komunità, jagħmlu l-mirakli biex jissalvagwardjaw is-saħħa mentali tal-poplu. 

B’immaniġjar tajjeb, il-persuni li jbatu minn psikożi qasira jkunu jistgħu ifiequ u ma jkollhomx episodju ieħor. “Ovvjament wieħed ma jridx jilgħab bin-nar billi jmur għal vizzju jew f’ambjent mhux ideali, jew inkella ma jieħux ħsieb il-lat fiżiku tiegħu. Dan minħabba li hemm ċans li jerġa’ jgħaddi minn relapse,” wissa Dr Xuereb.

Huwa temm jgħid li għal nies bħal dawn, li huma wkoll suxxettibbli għas-suwiċidju, is-sinerġija tas-servizzi tal-Crisis Team mas-servizzi tal-komunità u mal-Isptar, huma kruċjali ħalli jsalvaw il-ħajjiet. 

Kull min għandu sintomi jew jinsab fi kriżi jista’ jċempel għall-għajnuna 24/7 fuq 9933 9966 jew jidħol fil-paġna tal-Facebook: Crisis Resolution Malta

Share With: