Alfred Sant

PASSATEMP MALTI

Miktub minn Alfred Sant

Passatemp tradizzjonali tagħna li għadu jiġi pprattikat, hu kif se jirnexxilek tgħawweġ ir-regoli biex tikseb li trid jew biex tgħaddi tiegħek. Tista’ tkun permess tal-bini, jew spazju għall-parkeġġ, jew deċiżjoni ministerjali, jew ir-rebħ ta’ xi premju.

Drawwa li tisboq lil dal-passatemp hi l-waħda li biha nfittxu li niksbu dak li neħtieġu billi nistaqsu pjaċir mingħand il-politikant li nappoġġjaw jew ngħidu li nappoġġjaw. It-theddida tkun li jekk ma ninqdewx, ma nivvotawlux(lhiex) aktar.

Matul is-snin, l-ewwel maniġġ tħaddem bla waqfien, ta’ spiss b’mod okkult. Kien l-aktar għal id il-membri tal-elites soċjali, fiċ-ċrieki ta’ ħbiberiji u relazzjonijiet – mażuneriji moħbija – li setgħu jirranġaw l-affarijiet. Anke affarijiet tal-akbar importanza. Iż-“żgħar” setgħu jagħmlu l-istess ħaġa bis-serqa u dwar materji pjuttost minuri għalkemm importanti għalihom.

M’għandix dubju li llum l-istess prattiċi għadhom jitwettqu. Forsi saru aktar effettivi, fl-istess ħin anqas evidenti… jew aktar?… bl-għajnuna tat-teknoloġiji moderni.

***

FUTUR TAL-EWROPA

Sa fl-aħħar telaq id-dibattitu “publiku” dwar il-futur tal-Ewropa. Ma kinitx biss il-pandemija li żammitu lura. Qam ukoll nuqqas ta’ qbil bejn il-Kunsill Ewropew, il-Kummissjoni Ewropea u l-Parlament Ewropew dwar min se jkollu l-akbar vuċi fil-proċess li qed jittellaq. It-tlieta riedu li jkollhom jekk mhux kontroll, talanqas dominanza fuqu.

Il-kompromess li sabu dwar hekk ma tantx jawgura ħwejjeġ sbieħ għall-eżerċizzju kollu. Hu burokratiku u komplikat. L-aqwa donnu kien li ħadd ma jidher “tellief” bis-soluzzjoni li nstabet.

Mill-bqija, mad-diskussjoni kollha baqa’ mdendel il-periklu li jiġri x’jiġri, din se tispiċċa okkażjoni għal bosta laqgħat fejn jinstemgħu ħafna ripetizzjonijiet ta’ diskorsi b’punti li kulħadd jaf bl-amment. Dnub.

***

TAL-ĦWIENET U R-RESTORANTI

Issa li l-ħwienet u r-restoranti reġgħu fetħu, wieħed ma jistax ma jawgurax lis-sidien u lill-ħaddiema tagħhom attività mħarrka u siewja. 

Id-daqqa ekonomika u finanzjarja li qala’ das-settur kienet enormi u mn’Alla l-gvern ħareġ l-għajnuniet li ħareġ għax inkella ħafna aktar kienu jogħtru milli ġara. Is-sitwazzjoni għadha mhijiex soda biżżejjed għal dawk li rnexxielhom iżommu fil-wiċċ.

Ma tistax tgħid minnufih jekk id-domanda hix se tirranka malajr hekk kif in-nies tipprova tpatti għax-xiri “anqas” li għamlet fl-aħħar sena. Wara kollox, parti sostanzjali minn ċerti ħażniet ta’ prodotti li ma nbigħux mhux bilfors jistgħu jinbigħu llum. U jista’ jkun ġara li matul il-pandemija, inbidlu d-drawwiet u l-gosti li jiddeterminaw il-bejgħ u x-xiri. 

Fuq kollox, hemm ukoll l-effett tat-turiżmu. Jekk jitlaqx jew le, se jaffettwa sew l-andament kummerċjali tal-ħwienet u r-restoranti. Biss dwaru, il-ħtieġa li jkomplu jittieħdu l-prekawzjonijiet sanitarji kollha, tibqa’ l-aqwa priorità.

Share With: