Moderna tgħid li l-vaċċin tagħha huwa sigur u jidher effettiv fost l-adolexxenti

Il-kumpanija Moderna qalet li l-vaċċin tagħha kontra l-Covid-19 huwa wieħed sigur u jidher li huwa effettiv fost l-adoloxxenti.

Waqt il-fażi ta’ prova fost 3,732 tifel u tifla bejn l-età ta’ 12 u 17-il sena fl-Istati Uniti, it-testijiet tad-demm urew li l-vaċċin ipproduċa rispons immunitarju li kien ekwivalenti għal dak li diġà kien instab fost l-adulti.

L-ewwel osservazzjonijiet sabu li ħadd minn dawk it-tfal li rċevew il-vaċċin ma marad b’Covid-19 wara 14-il jum mit-tieni doża tagħhom. 

Fl-istess waqt, erbgħa mit-tfal li rċevew dak li jissejjaħ placebo rriżultaw pożittivi għall-Covid-19.

Il-kumpanija rrevediet ukoll kemm il-vaċċin jaħdem tajjeb wara doża waħda biss. Ir-riżultati jissuġġerixxu li l-vaċċin kien 93% effettiv wara doża waħda fil-prevenzjoni ta’ każijiet meqjusa bħala ħfief ta’ Covid-19, li jinvolvu sintomu wieħed biss tal-virus minflok żewġ sintomi jew aktar.

Moderna qalet li qed tippjana li tissottometti r-riżultati lill-Amministrazzjoni tal-Ikel u d-Droga tal-Istati Uniti kmieni f’Ġunju flimkien ma’ talba għal awtorizzazzjoni biex tuża l-vaċċin fost l-adolexxenti. 

Il-vaċċin tal-Moderna diġà huwa  awtorizzat għall-użu fost il-persuni minn 18-il sena ‘l fuq.

Share With: