Moderna b’għajnuna lill-pajjiżi fqar bit-tqassim ta’ 34 miljun doża tal-vaċċin

Il-kumpanija Moderna Inc. ħabbret li se tipprovdi 34 miljun doża tal-vaċċin kontra l-Covid-19 lil programm internazzjonali li jqassam il-vaċċini lil pajjiżi fqar.

Id-dożi se jkunu qed jitwasslu fir-raba’ kwart tas-sena lill-inizjattiva ‘Covax’, li hija appoġġjata mill-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO). Skont dikjarazzjoni minn Moderna u Gavli, li hija waħda mill-organizzazzjonijiet wara l-programm ta’ għajnuna għat-tilqim, ‘Covax’ se jkollu l-għażla li jixtri 466 miljun doża oħra fl-2022.

Dan l-att ta’ solidarjetà jasal f’mument hekk kif il-pandemija qed taċċellera f’pajjiżi bħall-Indja u l-Brażil. Għal dan l-aħħar perjodu, dawn iż-żewġ pajjiżi kienu qed jirrappurtaw numru rekord ta’ mwiet fost żieda qawwija ta’ infezzjonijiet ġodda tal-Covid-19.

Filwaqt li pajjiżi bħall-Istati Uniti, il-Gran Brittanja u l-Iżrael qed ikomplu bir-rittmu li jlaqqmu maġġoranzi kbar tal-popolazzjonijiet tagħhom, in-nazzjonijiet li għadhom qed jiżviluppaw qed jitħabtu biex jagħmlu dan. Rapporti internazzjonali jispjegaw dan il-fatt minħabba li l-manifatturi tal-vaċċini ffukaw fuq swieq aktar sinjuri li ordnaw minn qabel il-biċċa l-kbira tal-provvista tagħhom.

Ta’ min ifakkar ukoll dwar it-tilqima partikolarti bl-isem ta’ ‘NDVHXPS’, li għadha fil-fażi tal-ittestjar, iżda hemm ċans li sal-aħħar ta’ din is-sena jkun hemm it-tqassim tagħha b’mod partikolari f’pajjiżi li huma foqra. Bħalissa għaddejjin provi kliniċi fil-Messiku, fil-Brażil, fit-Tailandja u l-Vjetnam.

Share With: