Mit-Tnejn li ġej jiftħu r-reġistrazzjonijiet għat-tilqim għal dawk kollha minn 16-il sena ‘l fuq

Id-DPM u l-Ministru tas-Saħħa Chris Fearne waqt konferenza tal-aħbarijiet qal li l-pandemija għallmitna dwar l-importanza tal-ħidma tal-infermiera u l-qwiebel f’pajjiżna. Fearne qal li f’pajjiżna hawn ftit aktar minn 3,000 persuna li jagħmlu dan ix-xogħol. 

Fis-sena li għaddiet iddaħħlu 216-il infermier/a ġodda u 11-il qabla. Din is-sena, sa issa ddaħħlu 139 infermier u tmint iqwiebel ġodda. Il-pjan hu li sal-aħħar tas-sena jiddaħħlu bejn 150 u 200 infermiera oħrajn biex b’hekk it-total għal din is-sena jkun jaqbeż it-300 persuna ġodda fis-settur.

L-univeristà u fl-MCAST hemm 440 student li qed jistudjaw biex jilħqu infermiera. Fearne tkellem dwar l-importanza tas-saħħa mentali u b’hekk il-ħsieb huwa li pajjiżna jkollu aktar infermiera speċjalizzati f’din il-fergħa tant importanti fil-qasam tas-saħħa. Fix-xhur li ġejjin se jkunu qegħdin jiżdiedu s-servizzi li jagħtu sapport lil nies li jkunu esperjenzaw problemi ta’ saħħa mentali.

Il-Ministru tas-Saħħa qal li L-MUMN jagħmlu biċċa xogħol tajba u bl-għajnuna tagħhom il-kundizzjonijiet tal-infermiera baqgħu jitjiebu f’karriera li tagħti sodisfazzjon lil dawn il-professjonisti. 

F’dawn l-aħħar 16-il xahar tal-pandemija, il-frontliners kellhom iħabbtu wiċċhom b’mod kontinwu ma’ problemi ġodda u għalhekk fix-xhur li ġejjin se jkunu qed jibdew jingħataw servizzi ta’ workshops għall-infermiera li jkollhom il-problemi ta’ saħħa mentali.

Rigward is-sitwazzjoni tal-Covid-19 f’pajjiżna, Fearne qal li l-każi attivi baqgħu jonqsu u llum; għall-ewwel darba f’disa’ xhur, il-każi attivi jinsabu taħt il-200. Huwa appella lill-pubbliku b’mod inġenerali biex jibqa’ josserva l-miżuri u r-restrizzjonijiet imposti bil-liġi. 

Dwar it-tilqim, id-DPM qal li minn nhar it-Tnejn li ġej se tkun qiegħda tinfetaħ ir-reġistrazzjoni għal dawk kollha ’l fuq minn 16-il sena. Ir-reġistrazzjoni tista’ ssir online fuq vaccin.gov.mt jew billi jibagħat n-numru tal-karta tal-identità b’SMS fuq 99180045 għal dawk f’Malta jew 99180044 għal dawk f’Għawdex.

Fearne jispjega li pajjiżna mhux biss għandu tilqim biżżejjed biex ilaqqam lill-poplu kollu, iżda għaddej ukoll ftehim biex pajjiżna jkollu nofs miljun doża għall-2022 u nofs miljun doża għas-sena ta’ wara. Huwa temm jgħid li dan jista’ joffri serħan il-moħħ lill-poplu kollu li pajjiżna se jkollu adispożizzjoni tiegħu booster li se jkun effettiv kontra forom ta’ varjanti li jistgħu jiżviluppaw u f’każijiet li tonqos l-immunità ta’ dawk imlaqqmin.

Share With: