Miġbura 72 tunnellata ta’ skart bħala parti mill-kampanja ‘Insebbħu Pajjiżna’

Il-kampanja ‘Insebbħu Pajjizna’ daħlet fit-tielet jum tagħha, u r-riżultati qed jidhru dejjem aktar, wara li fis-sigħat li għaddew inġabru tunnellati ta’ skart minn bosta bnadi. Fl-ewwel jumejn tal-kampanja inġabru 72 tunnellata skart fi 3,500 borża mit-72 kilometru ta’ toroq fejn sar it-tindif sa issa.

Apparti t-tindif tal-iskart, f’dan it-tielet jum bdew jitnaddfu l-bajjiet primarjament mill-alka li telgħet b’mod naturali, partikolarment fil-bajja tal-Għadira. Bdiet ukoll iż-żebgħa ta’ central strips, traffic islands, roundabouts u ġbir ta’ skart illegali.

Aktar minn 450 ħaddiem minn diversi entitajiet matul il-jum tal-Ħamis ħadmu kollettivament biex ikompli t-tisbiħ tal-pajjiż għalissa fl-arterji prinċipali u postijiet fejn hu magħruf li jinġabru ħafna nies. Aktar tard se jibda jsir xogħol ta’ manutenzjoni usa’ mit-tibdil ta’ bozoz fit-toroq u li jinvolvi tiswijiet ta’ għamara fit-toroq u manutenzjoni simili. Fl-ewwel ġurnata biss tal-kampanja nbidlu iktar minn 60 bozza.

Il-kampanja ‘Insebbħu Pajjiżna’ tinvolvi ħidma kordinata minn diversi ministeri u l-ħaddiema ġejjin mid-Diviżjoni tal-Indafa Pubblika, Parks Malta u Ambjent Malta, id-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi, Enemalta, Transport Malta u l-Foundation for Tourism Zones.

“Dan kollu hu parti minn kampanja li għandha l-għan li ssebbaħ pajjiżna billi tirriġenera diversi żoni b’eżerċizzju ta’ tindif, tisbiħ u manutenzjoni skont il-bżonn. Kampanja kkordinata li qed tara mijiet ta’ ħaddiema minn entitajiet diversi fis-settur pubbliku jingħaqdu fi sforz kollettiv biex inħallu ambjent isbaħ u pajjiż aktar nadif. Irridu wkoll naraw li dak li qed inwettqu jkompli jissaħħaħ u jsir rutina,” qal is-Segretarju Permanenti Ewlieni s-Sur Mario Cutajar, li l-uffiċċju tiegħu qed jikkordina din il-kampanja. Hu żied jgħid li fil-jiem li ġejjin hu mistenni li l-ammont ta’ ħaddiema f’din il-kampanja jiżdiedu minn 450 għal madwar 700 iktar ma tikber il-kampanja.

Dawn il-ħaddiema huma mqassma fi 15-il grupp imferrxin ma’ kull żona tal-pajjiż. Ix-xogħlijiet jinvolvu tindif ġenerali ta’ toroq u bajjiet, manutenzjoni ta’ dwal, żebgħa, tindif ta’ taħżiż ma’ bini pubbliku, sinjali ġodda tat-traffiku u ġbir ta’ skart goff f’diversi inħawi.

Share With: