“Mgħotti jew mikxuf in-nies dejjem se jikkummentaw” – Debbie Scerri

L-ewwel rebbieħa tal-Barbara Dex Award tgħid li l-libsa għadha tgħożżha sal-lum

Miktub minn Brian Gatt

Wara l-ewwel prova fuq il-palk tal-kantanta Maltija Destiny Chukunyere ħafna kienu dawk li nfexxew jgħidu tagħhom f’reazzjonijiet imħallta fuq il-midja soċjali. Dan il-ġurnal tkellem mal-kantanta Debbie Scerri; il-kantanta li 24 sena ilu kienet fiż-żarbun tal-kantanta żagħżugħa.

Scerri għamlitha ċara li din mhijiex xi ħaġa tal-lum. “Tilbes x’tilbes in-nies dejjem se jikkummentaw. Jekk inti mgħotti jew mikxuf, xi ħaġa dejjem se jsibulek”, spjegat Scerri. Fil-fehma tagħha, l-akbar problema tal-lum hija li bil-midja soċjali kulħadd bħal donnu sar “espert” u fi ftit sekondi dak li jkun jista’ ixandar il-ħsibijiet tiegħu mal-pajjiż kollu, jekk mhux oltre minn hekk. 

Mistoqsija dwar jekk dawn il-kummenti setgħux ħallew dannu morali fuq il-kantanta, Scerri qalitilna li l-pressjoni li jkollok f’dan l-istadju hija xi ħaġa li diffiċli tiddeskriviha. “Jien nemmen li Destiny ftit li xejn għandha ħin biex toqgħod taqra l-kummenti. Bejn il-provi, il-konferenzi tal-aħbarijiet u l-foka tagħha biex tagħti l-aqwa prestazzjoni possibbli biex finalment tagħti l-massimu f’dan l-irwol li ġie avdat lilha f’isem il-poplu kollu”, tkompli tgħid Debbie.

Il-kantanta lokali fakkret dwar il-Barbara Dex Award; il-premju annwali għall-agħar libsa li kien ġie mwaqqaf minn Edwin van Thillo u Rob Paardekam fis-sena li Debbie Scerri rrapreżentat lil pajjiżna. Il-libsa tal-kantanta Maltija sabet postha bħala l-ewwel waħda fil-lista ta’ dawk premjati b’dan it-titlu. Dak iż-żmien kien hemm ukoll kritika għal-libsa tagħha. Kien hemm min ikkummenta għax il-libsa kienet ta’ lewn li ma għoġbux, oħrajn għax kienet bl-istrixxi u “minjaf kemm aktar”. Minkejja dan Debbie tgħidilna li l-libsa tagħha kienet ferm għal qalbha u għadha għandha sal-lum il-ġurnata anke b’rispett lejn l-istilista bravu Ray Ashley. 

Wieħed mill-kummenti kien dwar jekk ikunx hemm libsa oħra riżervata bħala prekawzjoni. Debbie spjegat li għalkemm ma tidħolx fil-mertu ta’ jekk Destiny kellhiex tbiddel il-libsa li ħolqot kontroversja, spjegat li libsa oħra dejjem ikun hemm għax inċidenti dejjem jistgħu jsiru. 

Scerri awgurat lil Destiny għal din l-esperjenza li fl-opinjoni tagħha hija biss il-bidu tal-karriera taż-żagħżugħa. “Nemmen ħafna fil-kapaċiatjiet tagħha u nara quddiemha karriera kbira fil-kant. Lil hinn minn dawn il-kummenti, ħadd ma jista’ jgħid u forsi din id-darba jirnexxielna nġibu lejn pajjiżna l-Eurovision.

Share With: