Malta b’donazzjoni ta’ magni tal-ossiġnu lill-Indja

Malta qed tagħmel il-parti tagħha fil-ġlieda globali kontra l-Covid-19. Dan hekk kif pajjiżna qed jibgħat magni tal-ossiġenu lejn l-Indja

Dan tħabbar fuq il-midja soċjali mid-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne.

B’kollox se jintbagħtu 20 magna tal-ossiġnu u din id-donazzjoni tammonta għal €25,000.

It-tagħmir mediku mogħti mill-Gvern Malti, li jżid il-konċentrazzjoni ta’ ossiġnu billi jiffiltra n-nitroġenu mill-arja, huwa maħsub għal pazjenti li għandhom dipendenza qawwija fuq it-terapija bl-ossiġnu, li bħalissa huwa tant skars u bżonjuż fl-Indja.

Nhar il-Ħadd, l-Indja waqqfet rekord ġdid ta’ mwiet li seħħew f’ġurnata hekk kif b’kollox ġew irreġistrati 3,689 imwiet.

L-isptarijiet fl-Indja qed jiffaċċjaw realtà ta’ nuqqas kbir ta’ sodod u ossiġnu, b’ħafna Indjani jirrikorru għal talbiet iddisprati fuq il-midja soċjali għall-għajnuna.

Share With: