“Mal-aħbar tal-mewt bdiet it-triq tal-kalvarju” – L-armla tal-avukat Chircop

Illum kompliet il-kumpilazzjoni tax-xhieda fil-każijiet tal-qtil tal-Avukat Carmel Chircop fl-2015 u tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia fl-2017.

L-irġiel akkużati huma l-aħwa Robert u Adrian Agius, magħrufin bħala Ta’ Maksar, Jamie Vella, u George Degiorgio, magħruf bħala ċ-Ċiniż, li qed jaffaċċja proċeduri separati fuq l-involviment tiegħu fil-qtil tal-2017 flimkien ma’ ħuh, Alfred Degiorgio.

L-ewwel xhieda kienet l-armla tal-Avukat Carmen Chircop, Maryrose Chircop. Huma kienu ilhom miżżewġin 35 sena.

Spjegat li l-ġurnata tiegħu kienet tibda fis-7:00 a.m u kien imur lura d-dar f’xi s-7.30 p.m jew it-8pm. Il-koppja kellhom ftehim li ma jitkellmux fuq xogħol.

Mistoqsija dwar dakinhar tad-delitt, l-armla spjegat li kienet marret tiġbor xi ittri u li mat-triq kienet ċemplet lil żewġha u dan baqa’ ma weġibx.

Hija kkonfermat li saret taf bil-mewt ta’ żewġha permezz tal-aħbarijiet fuq siti soċjali meta kienet ma’ binha. 

“X’jibqa’ fik?”, tiddikjara x-xhieda filwaqt li spjegat kif marru jiġru lejn l-għassa anke jekk hi ma kellhiex bżonn ta’ ebda konferma għax kienet taf għal min kienu qed jirreferu s-siti tal-aħbarijiet.

Il-mara kompliet tispjega li ħafna drabi, il-karozza kien iħalliha barra, iżda l-lejl ta’ qabel ma sabx fejn jipparkja u daħħalha fil-garaxx.

Mistoqsija jekk tagħrafx lil xi ħadd mill-akkużati, l-armla tikkonferma li kienet taf lil Adrian Agius. Żewġha kien fadallu jieħu €600,000 u Agius kien qallu li se jagħtih xi pagament kull xahar.

Maryrose titkellem dwar il-proposta li Agius iħallas lill-avukat permezz ta’ Villa iżda li wara xi laqgħat kien hemm qbil li l-ħlas isir mod ieħor.

Titkellem dwar laqa’ li kellhom ma’ Agius f’kafetterija u hemmhekk kollox kien għadu sew, iżda darba waqt li kienu msefrin semgħet lil żewġha jitkellem dwar nuqqas min-naħa ta’ Agius biex iħallas il-pagament dovut.

Mistoqsija mis-Supretendent Arnaud dwar jekk il-pagamenti kinux tħallsu wara l-mewt ta’ żewġha din kkonfermat li dawn baqgħu ma tħallsux.

Wara li nqatel Chircop, Agius fetaħ kawża biex iwaqqa’ l-ipoteka. Il-familja Chircop u Agius laħqu ftehim barra mill-qorti.

Agius tahom is-somma ta’ €165,000 u waqqa’ l-kawża kontrihom, huma waqqgħu l-ipoteka. 

Share With: