Lukanda u żewġ blokok residenzjali se jieħdu post il-Grand Hotel Verdala

Proġett b’disinn ta’ kwalità għolja, li jinkludi lukanda u żewġ blokok residenzjali, se jieħu post il-Grand Hotel Verdala, li nbniet lura fl-1970 fil-limiti tal-Virtù fir-Rabat.

Il-Bord tal-Ippjanar ta dan il-proġett il-permess sħiħ ta’ żvilupp għat-twaqqigħ tal-lukanda l-qadima u abbandunata biex tiġi żviluppata.

Il-proġett se jinkludi l-bini ta’ tliet blokok separati, waħda minnhom se jkollha 39 appartament residenzjali u tliet ħwienet żgħar, blokka oħra se jkollha 47 appartament resdenzjali filwaqt ii l-lukanda l-ġdida se jkollha 17-il kamra residenzjali u 26 kamra oħra. Se jkun hemm ukoll parkeġġ għal 176 karozza.

Il-proġett tejjeb ukoll l-aċċess għall-vetturi minn dak li ġie propost fil-permess ġenerali.  Filwaqt li l-aċċess għall-vetturi xorta se jibqa’ minn Triq Santa Katerina, mhux se jkun aktar mill-ġenb, imma ċċaqlaq għal nofs il-blokka residenzjali A. 

Il-Bord esprima s-sodisfazzjon tiegħu li dan il-proġett qiegħed jindirizza tħassib mhux biss ambjentali imma wkoll dak viżwali u tat-traffiku.

Share With: