L-MUT tirrapporta abbuż fuq edukatur minn student

Il-Ministeru tal-Edukazzjoni jibda investigazzjonijiet fuq filmat imxandar online

Miktub minn Carmen Cachia          

Il-Malta Union of Teachers (MUT) avżat li tinsab f’kuntatt mal-awtoritajiet dwar filmat li kien qiegħed jixxandar u jitqassam fuq il-midja soċjali. F’dan il-filmat jidher fis-seħħ abbuż sesswali verbali fuq edukatur minn student li ġibed il-filmat huwa stess.

L-abbuż fuq dan l-edukatur kien ta’ natura deplorevoli u seħħ fil-klassi quddiem il-bqija tal-istudenti preżenti fil-ħin tal-inċident. L-abbuż mhux biss seħħ fil-konfront tal-edukatur, iżda kien ta’ ħsara anke għall-bqija tal-istudenti.

“Ma nittollera ebda abbuż, tkun xi tkun il-materja tiegħu, lejn l-edukaturi”

II-Ministru tal-Edukazzjoni, Justyne Caruana

Fid-dawl ta’ dan, l-MUT għamlet rapport lill-Pulizija u talbet investigazzjoni mill-aktar fis possibbli mill-Ministeru għall-Edukazzjoni. Fil-fatt, wara li nġibdet l-attenzjoni dwar dan lill-Ministru għall-Edukazzjoni Justyne Caruana, din immedjatamet talbet lis-Segretarju Permanenti fi ħdan il-Ministeru għall-Edukazzjoni biex issir investigazzjoni dwar il-każ. Fi stqarrija maħruġa mill-istess Ministeru ngħad li wara l-investigazzjoni se jittieħdu l-passi dixxiplinarji li dan il-każ jeħtieġ.

Il-Ministru Caruana wissiet li, “ma nittollera ebda abbuż, tkun xi tkun il-materja tiegħu, lejn l-edukaturi li b’tant dedikazzjoni u impenn qegħdin jieħdu ħsieb l-edukazzjoni ta’ wliedna”.

Share With: