L-MHRA tilqa’ b’sodisfazzjon l-ħruġ tat-tieni sett ta’ vawċers

L-Assoċjazzjoni tal-Lukandiera u r-Ristoranti (MHRA) laqgħet b’sodisfazzjoni l-ftuħ mill-ġdid tar-ristoranti li beda mil-lum. Hija ddeskriviet dan il-pass bħala wieħed importanti biex l-ekonomija terġa’ tibda tirpilja u fl-istess waqt ikun protett l-għajxien ta’ dawk involuti fis-settur.

L-MHRA tkompli li dawn is-sidien sofrew ħafna u issa jixirqilhom li jirnexxu wara li kienu tant responsabbli. Fl-istess waqt l-assoċjazzjoni wriet l-apprezzament għal mod ta’ kif il-gvern baqa’ jsostni lil dawn l-operaturi b’għajnuniet bħalma huma l-wage suppliment.

Faħħret ukoll lill-Prim Ministru Robert Abela li l-Ħadd ħabbar li l-gvern se jkun qiegħed joħroġ it-tieni sett ta’ vawċers li se jkunu qegħdin jingħataw lil kull resident biex jintefqu fi ħwienet u stabbilimenti tal-ikel.

Il-President tal-MHRA Tony Zahra rrimarka li issa huwa ż-żmien li b’mod prudenti niltaqgħu, nieklu u ngawdu l-ħajja flimkien f’ambjent sigur. Huwa temm jittama li fid-dawl ta’ dan kollu, in-negozji jkunu jistgħu jkomplu jsaħħu l-operat tagħhom b’mod sostenibbli.

Share With: