L-infurzar jibqa’ wieħed b’saħħtu fosthom fuq il-bajjiet

Ritratti: Roger Azzopardi

Hekk kif il-miżuri f’pajjiżna qed jitnaqqsu b’mod gradwali u b’kawtela, l-infurzar baqa’ wieħed b’saħħtu bil-għan li jiġi assigurat li r-regoli li attwalment hemm fis-seħħ jibqgħu jiġu rispettati.

Dan qed isir f’diversi postijiet fosthom fuq il-bajjiet fejn il-maskra għandha tintlibes ukoll. Kif diġà mħabbar, mill-1 ta’ Ġunju l-bajjiet se jkunu l-uniku eċċezzjoni.

Kif jisħqu l-awtoritajiet tas-saħħa, l-użu tal-maskra fil-komunità għadu importanti u din għandha tintlibes b’tali mod li tgħatti l-imnieħer, il-ħalq u l-geddum.

L-iktar multi li jingħataw huma proprju għal dawk il-persuni li ma jilbsux il-maskra. Fil-fatt nhar it-Tnejn li għadda tħabbar li fl-aħħar sebat ijiem kien hemm 779 persuna li ġew immultati ħabba f’hekk.

Fost l-oħrajn, l-infurzar qed isir ukoll biex jiġi assigurat li ma jkunx hemm gruppi akbar minn dak li tippermetti l-liġi. Dan hekk kif ma jistgħux jinġemgħu gruppi ta’ aktar minn erba’ persuni sakemm mhux mill-istess dar.

Kif kienu qalu l-awtoritajiet tas-saħħa, il-messaġġ huwa ċar ħafna. Filwaqt li nirrilaxxaw il-miżuri u nattakkaw bil-vaċċin, l-infurzar jibqa’ wieħed b’saħħtu.

Share With: