L-FKNK tressaq protest ġudizzjarju kontra BirdLife Malta u CABS

Il-Federazzjoni  Kaċċaturi Nassaba Konservazzjonisti (FKNK) resqet Protest Ġudizzjarju fil-Qorti kontra l-BirdLife Malta. Permezz ta’ dan il-protest il-FKNK għamlet referenza għall-fatt li għal dawn l-aħħar snin, f’kull staġun tal-kaċċa u l-insib, b’mod ripetut, sistematiku u regolari attivisti ta’ BirdLife Malta qegħdin jispjunaw lill-membri tal-FKNK billi jiffilmjawhom għal ħinijiet twal waqt li dawn l-istess membri ikunu għal kwiet ġewwa l-għelieqi privati tagħhom jipprattikaw il-kaċċa u/jew l-insib.

Fi stqarrika, il-FKNK sostniet ukoll li dan l-aġir tal-BirdLife Malta jammonta għal ksur ta’ liġi u tad-disposizzjonijiet tal-Att dwar l-Informazzjoni u l-Privatezza tad-Dejta, peress li tali ffilmjar sistematiku u moniteraġġ kontinwu jammonta għall-proċessar tad-dejta mingħajr kunsens tal-individwu. 

Il-FKNK qalet li l-istess komportament huwa wkoll illegali u abbużiv anke peress li tali attività ta’ spjunaġġ qegħda jssir mingħajr ebda awtorizazzjoni legali ta’ ebda awtorità kompetenti, b’dan li allura tikkostitwixxi mhux biss abbuż ta’ poter iżda tikkwalifika bħala attività ta’ investigazzjoni privata mingħajr liċenzja.

Fl-istqarrija, il-FKNK qalet: “Għaldaqstant, il-BirdLife Malta ma għandha l-ebda awtorità li tikser il-liġi, u tinjora u jġib fix-xejn id-drittijiet tal-ebda ċittadin, wisq anqas tal-kaċċaturi u n-nassaba.  L-id tal-ġustizzja għandha tilħaq lill kulħadd mhux biss lill-kaċċaturi u n-nassaba, u għalhekk dawn l-attivitajiet illegali ta’ BirdLife Malta għandhom jiiqfu b’mod immedjat.”

Żiedet tgħid li b’referenza għall-aġir li sejħet bħala wieħed illegali li ilu jseħħ b’mod ripetut u regolari minn attivisti ta’ BirdLife Malta u/jew tal-organizżazzjoni Ġermaniża CABS fil-konfront tal-membri tal-FKNK, il-FKNK resqet ukoll ilment uffiċjali mall-Kummissarju tal-Protezzjoni tad-Dejta.  

Qalet li għamlet dan peress, li “għal dawn l-aħħar snin, b’mod regulari u ripetut matul l-istaġuni tal-kaċċa u l-insib, l-FKNK irċeviet diversi ilmenti mill-membri tagħha dwar fastidju, ksur tal-privatezza tagħhom, kif ukoll pretensjonijiet oħra minn attivisti ta’ BirdLife Malta u/jew CABS, li ta’ kuljum preċett, fil-ħinijiet kollha tal-ġurnata u għal sigħat twal jispjunaw lill-membri tal-FKNK, mhux biss personalment ‘with their naked eye’, iżda iktar minn hekk b’mezzi elettroniċi fosthom trombi sofistikati, video recorders, u kameras tar-ritratti b’liema jiffilmjaw u jiġbdu ritratti tan-nassab jew il-kaċċatur b’tali dettal fejn l-uċuh huma faċilment identifikati.  L-ispjunaġġ isir b’tali mod li mhux biss wiċċhom jiġi identifikat iżda kull moviment li jagħmlu (litteralment sal-inqas u l-iżjed moviment privat tagħhom) jiġi ffilmjat u rrekordjat.”

Il-FKNK qalet li tħoss illi tali ffilmjar u monitoraġġ kontinwu ta’ individwi privati huwa illegali u qiegħed jikser d-dispożizzjonijiet tal-Att dwar il-Protezzjoni u l-Privatezza tad-Dejta, u fid-dawl ta’ dan il-premess, il-FKNK ressqet dan l-ilment fejn filwaqt li titlob li jiġi investigat b’mod urġenti, titlob ukoll illi BirdLife Malta u CABS (li r-rappreżentanta tagħhom f’Malta hija Fiona Burrows) jiġu mitluba mill-Uffiċju tal-Kummissarju tal-Protezzjoni tad-Dejta sabiex b’mod immedjat jieqfu b’dan l-aġir ta’ spjunaġġ illegali fil-konfront tal-membri tal-FKNK u mogħtija l-piena rispettiva għal dan l-aġir illegali tagħhom.  Temmet tgħid li dan kollu bit-tama li s-sitwazzjoni ma tibqax tiskala u d-drittijiet tal-kaċċaturi u nassaba jiġu protetti bħal ta’ kull ċittadin ieħor.

Share With: