“Nistenna f’kull każ li l-Pulizija tibgħat għalih minnufih u tinterrogah”

Il-Ministru Carmelo Abela jmur minn jeddu l-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija biex jagħti stqarrija dwar “kalunja” li qed issir fil-konfront tiegħu

Il-Ministru Carmelo Abela qal li minn jeddu llejla mar il-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija biex jagħti stqarrija dwar “kalunja” li qed issir fil-konfront tiegħu wara li ċaħad bl-iktar mod qawwi dawn l-allegazzjonijiet.

Permezz ta’ messaġġ fuq il-midja soċjali, Abela qal li ta ukoll lill-Pulizija kopja tad-dikjarazzjoni bil-ġurament li diġà kien ippreżenta fil-Qorti fil-kawża ta’ libell kontra Jason Azzopardi, li minkejja li bdew il-proċeduri u kellu sal-lum biex jippreżenta r-risposta tiegħu, baqa’ ma rrispondiex.  

Abela qal li minbarra li ta dan id-dokument lil Pulizija esprima d-disponibbiltà tiegħu li jikkopera bis-sħiħ biex ineħħi kwalunkwe dubju dwaru u joħroġ il-verità sħiħa. 

Abela kiteb: “Minn hawn nisfida lil Jason Azzopardi jagħmel bħali u hu wkoll imur għand il-pulizija ladarba għoġbu jagħmel dawn l-allegazzjonijiet. Anzi nistaqsi għalfejn għadu sal-lum il-ġurnata ma stqarrx mal-Pulizija dak li qed jallega u baqa’ sieket.  Nistenna f’kull każ li l-Pulizija tibgħat għalih minnufih u tinterrogah.”

Qal ukoll: “Aktar minn hekk inżid li min għamel din il-gidba tiegħu, primarjament il-Kap tal-Oppożizzjoni, jerfa’ r-responsabbiltá sħiħa flimkien mad-deputat Jason Azzopardi. It-tnejn li huma urew fl-aħħar ġimgħat li lesti jassoċjaw ruħhom fl-istrateġiji tal-kriminali biex jilħqu l-għanijiet politiċi tagħhom. Minbarra li ftaħt proċeduri fil-qrati jien kont ċar sa mill-ewwel ġurnata li nippretendi li l-allegazzjoni ta’ Jason Azzopardi għandha tkun investigata mill-Pulizija u nilqa’ kull investigazzjoni li se tikkonferma li hemm kalunnja u konġura fil-konfront tiegħi.”

Aktar qabel…

Il-kawża ta’ libell li fetaħ il-Ministru Carmelo Abela fil-konfront tad-Deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi kellha tiġi differita għax-xahar id-dieħel wara li l-Qorti laqgħet it-talba tal-Avukat ta’ Azzopardi biex huwa jingħata ftit taż-żmien ieħor biex jippreżenta r-risposta tiegħu. 

Il-Ministru Abela fetaħ il-kawża ta’ libell wara li Azzopardi, fuq il-profil tiegħu ta’ Facebook, għamel diversi allegazzjonijiet fil-konfront tiegħu fejn implikah li kellu x’jaqsam mal-attentat ta’ serqa li saret fuq il-bank HSBC fl-2010. 

Abela ċaħad dan kollu u ddeskriva dak li kiteb Azzopardi bħala gideb malafamanti u moqżieża. Huwa qal li fetaħ dan il-libell sabiex jiddefendi l-integrità tiegħu.

Intant, matul is-seduta ta’ dalgħodu, il-Qorti preseduta mill-Maġistrat Rachel Montebello, semgħet li mhux se jkun medjazzjoni bejn iż-żewġ partijiet u għaldaqstant ordnat li titkompla l-kawża. 

Kien hawn fejn il-Qorti kienet infurmata li l-Avukat ta’ Azzopardi kellu bżonn ftit aktar żmien biex jippreżenta r-risposta tiegħu, bil-Qorti tilqa’ t-talba u tagħtih żmien ġimgħa biex jagħmel dan. 

Il-kawża ġiet differita għat-2 ta’ Ġunju.

Share With: