“L-Ambaxxatur Gauci għamel dak kollu li seta’ ma’ din il-koppja” – Il-Ministru Evarist Bartolo

Il-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej Evarist Bartolo rringrazzja lill-Ambaxxatur Malti fl-Indja, Reuben Gauci, għal dak kollu li għamel biex jgħin lill-koppja Maltija li marret l-Indja biex taddotta tarbija iżda sfortunatament r-raġel miet bil-Covid-19.

Bartolo qal li l-Ambaxxatur Gauci għamel dak kollu li seta’ ma’ din il-koppja li kellha tant pjanijiet ġodda għall-futur b’ħajja ġdida b’tarbija li dejjem xtaqu imma issa ħajja li trid tibda mill-ġdid f’realtà diffiċli ħafna u ta’ qsim il-qalb.

Bartolo żied jgħid li l-ambaxxaturi tagħna jgħixu ġrajjiet umani bħal dawn meta Maltin isibu ruħhom f’diffikultajiet u problemi serji f’pajjiżi fejn għandna ambaxxati u anke pajjiżi qrib.

Il-Ministru Bartolo qal: “Minħabba ċ-ċokon tagħna u n-nefqa tagħna fl-Ambaxxati, l-Ambaxxaturi tagħna spiss ikollhom jagħmlu sagrifiċċji personali biex ilaħħqu mad-dmirijit tagħhom. Matul dawn l-aħħar 15-il xahar bit-tixrid tal-pandemija d-diffikultajiet żdiedu għan-nies tagħna fl-ambaxxati u fl-uffiċji konsolari għax kellhom jgħixu t-tħarbit kollu li ġabet il-pandemija u l-effetti li ħalliet fuq kull qasam tal-ħajja.”

Qal li bħalissa huwa żgur li fost dawk li l-aktar li qed jaffaċċjaw sfida kbira hemm l-Ambaxxatur Gauci u sħabu fl-Indja fejn fl-aħħar ġimgħa kellha aktar infezzjonijiet minn kull post ieħor tad-dinja u qal li aktarx li l-infezzjonijiet u l-imwiet huma ogħla mill-istatistika uffiċjali.

Innota kif bħalissa l-Indja għandha madwar 400,000 każ ġdid kuljum b’4 miljuni għadhom ma fiequx mill-Covid-19, mietu iżjed minn 215,000 ruħ u l-pajjiż mhux ilaħħaq biex jikkura l-morda.

Share With: