L-Aġenzija għas-Servizzi Korrettivi tiċħad allegazzjonijiet ta’ priġunier

L-Aġenzija għas-Servizzi Korrettivi ċaħdet dak li allega l-priġunier Brian Vella fi proċeduri legali ulterjuri li fetaħ illum.

Vella allega li huwa qiegħed jinżamm f’iżolament u li huwa pprojbit milli jitkellem ma’ persuni oħra barra l-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin. Żied jallega li dan sar wara l-proċeduri li kien fetaħ il-ġimgħa li għaddiet.Min-naħa tagħha, l-Aġenzija għas-Servizzi Korrettivi ċaħdet b’mod kategoriku dawn l-allegazzjonijiet u qalet li jeżistu recordings li jixhdu mod ieħor.

Għaldaqstant, l-Aġenzija saħqet li se tkun qiegħda twieġeb għal dawn l-allegazzjonijiet fid-dettall fil-proċeduri fil-Qrati. Brian Vella, li għandu 41 sena, qiegħed jiskonta piena ta’ għomor il-ħabs wara li fl-2007 kien instab ħati li qatel koppja anzjana ġirien tiegħu f’Santa Luċija.

Id-delitt kien seħħ fl-10 ta’ Frar tas-sena 2000 meta Gerald Grima ta’ 79 sena u martu Josephine ta’ 63 sena kienu nqatlu fir-residenza tagħhom. 

Share With: