Kważi 138,000 passiġġier jgħaddu mill-ajruport fl-ewwel erba’ xhur tal-2021

Fl-ewwel erba’ xhur ta’ din is-sena, għaddew mill-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta (MIA) 137,887 passiġġier, li jfisser tnaqqis ta’ 92.6% fuq l-istess perjodu fl-2019. Ħabbar dan il-Kap Eżekuttiv tal-MIA Alan Borg waqt id-29 Laqgħa Ġenerali Annwali tal-ajruport li saret lbieraħ u ġiet organizzata online. 

“Is-sena 2021 sa issa ġabet magħha ħafna sfidi u ftit li xejn passiġġieri, iżda ninsabu fiduċjużi li t-tieni nofs tas-sena se jkun aħjar. L-isforzi ta’ Malta fir-rigwad tat-tilqim tal-popolazzjon qegħdin jagħmlu riklam tajjeb lil pajjiżna kemm ma’ persuni li qegħdin jippjanaw il-btala li jmiss u kemm mal-linji tal-ajru,” qal Borg. “Fil-fatt, qegħdin nistennew li dan is-sajf madwar 20 linja tal-ajru – bi tlieta minnhom ikunu ġodda – joffru s-servizzi tagħhom minn Malta lejn aktar minn 90 ajruport. 

Borg laqa’ wkoll b’sodisfazzjon il-proposta li ressqet il-Kummissjoni Ewropea din il-ġimgħa li għandhom jiġu rilassati r-restrzzjonijiet fuq vjaġġar mhux essenzjali minn barra l-Unjoni Ewropea. 

Huwa qal li din il-proposta, flimkien man-negozjati li għaddejjin bħalissa fuq id-Digital Green Certificate, hija pass importanti ieħor lejn il-bini mill-ġdid tal-fiduċja tal-konsumatur fl-industrija tal-ivvjaġġar u l-irkupru tal-istess industrija.

Min-naħa tiegħu, iċ-Ċermen tal-MIA Nikolaus Gretzmacher qal li l-impatt enormi tal-pandemija fuq l-attivitajiet tal-avjazzjoni tal-proprjetà u l-bejgħ tal-kumpanija wassal biex id-dħul li ġġenera l-ajruport tul l-2020 naqas b’€68 miljun meta mqabbel mal-2019.

Madankollu, l-implimentazzjoni fil-pront ta’ programm ta’ tnaqqis tan-nefqa tal-kumpanija u preservazzjoni tal-likwidità għenu lill-ajruport jtaffi xi ftit l-impatt finanzjarju tal-kriżi biex għalaq is-sena b’telf nett ta’ €4.3 miljun. 

Intant, waqt il-Laqgħa Ġenerali Annwali, ġie żvelat li l-kumpanija se tkompli tagħti prijorità lil proġetti strateġiċi li jagħtu ritorn immedjat u b’hekk jgħinuha tirkupra. Il-kumpanija qalet li hija impenjata wkoll li tkompli tipprijoritizza l-ħidma tagħha, flimkien mal-Gvern u l-linji tal-ajru, sabiex tibni mill-ġdid il-konnettività tal-gżejjer Maltin b’mod sostenibbli. 

Share With: