Kull stazzjon madwar Malta u Għawdex se jkollu station officer 24 siegħa kuljum

Fid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili, 18-il ħaddiem kienu promossi għall-grad ta’ station officers filwaqt li 18 oħra saru assistance & rescue officer (ARO) biex b’hekk ilkoll bdew pass ieħor fil-karriera tagħhom fi ħdan l-istess dipartiment. Dan ifisser li kull stazzjon madwar Malta u Għawdex issa dejjem ser ikollu station officer 24 siegħa kuljum. It-tisħiħ li sar riċentament fin-numru ta’ station officers fid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili wassal għal aktar serħan il-moħħ hekk kif dawn ser jaslu fuq il-post f’inqas ħin u s-servizz mogħti liċ-ċittadin se jkompli jitjieb.

Fiċ-ċerimonja tal-ħatra fl-Istazzjon tal-Protezzjoni Ċivili fix-Xemxija, il-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà Nazzjonali u l-Infurzar tal-Liġi Byron Camilleri faħħar lill-uffiċjali li rnexxielhom jiksbu dan is-suċċess grazzi għall-ħila u għall-kapaċitajiet tagħhom. “Bħala gvern qed ninvestu ħafna fil-Protezzjoni Ċivili għaliex nemmnu li d-Dipartiment huwa pedament importanti għas-sigurtà tal-pajjiż. Qed nimmodernizzaw l-ambjent u nagħmlu l-investiment meħtieġ biex dejjem nibqgħu fuq quddiem nett. Għalhekk inħeġġiġkom biex tkomplu tipprovdu l-aqwa servizz possibbli,” qal il-Ministru Camilleri.

Fil-messaġġ tiegħu, id-Direttur Ġenerali tal-Protezzjoni Ċivili, Emanuel Psaila, semma l-importanza li qed tingħata lit-trawwim fil-ħiliet tal-membri tal-Protezzjoni Ċivili. Għaldaqstant, huwa spjega li bħalissa għaddej kors ta’ taħriġ intensiv imfassal fuq perjodu ta’ tliet ġimgħat bil-għan li l-uffiċjali jkunu preparati aħjar għal dak li hu mistenni minnhom fil-qadi ta’ dmirijiethom.

Share With: