“Kont nippreferi mmut milli nibda l-ġurnata”

Intervista ma’ omm li twassal messaġġ ta’ tama wara rebħa fuq mard mentali serju

Minn Carmen Cachia

Is-saħħa mentali hija suġġett diskuss, riċerkat u importanti għall-benesseri u l-funzjoni tas-soċjetà b’mod ġenerali. Il-ħajja li ngħixu llum il-ġurnata mhix faċli u dan b’mod speċjali fil-perjodu mimli sfidi tal-Covid-19. Xi drabi ma nirrealizzawx il-grazzja li ningħataw meta nqumu filgħodu u kollox ikun “normali”. Dwar dan, Josette Grima taqsam ma’ dan is-sit l-esperjenza ferm diffiċli li għaddiet minnha biex tiġġieled u finalment tirbaħ, mard mentali li ġie fuqha bħal berqa f’nofs il-bnazzi. Minn attakki ta’ ansjetà f’nofs ta’ lejl, għal dipressjoni u vuċi f’moħħa li wasslitha anke għal attentati suwiċida, rikoveri ta’ emerġenza f’Mater Dei u f’Monte Carmel, illum Josette twassal messaġġ ta’ tama rigward din il-marda li tant tkasbar nies fostna.

Għandna napprezzaw kull ġurnata u nagħmlu mill-aħjar tagħna biex ingawdu u dan b’mod speċjali saħħitna u lill-għeżież tagħna. Dan sempliċiment għax ma nafux meta kollox jista’, f’daqqa waħda, jiġi miċħud lilna. Josette hija mara ta’ 52 sena li f’perjodu pjuttost normali ta’ ħajjitha kellha tgħaddi minn xi ħaġa li qatt ma stenniet jew immaġinat li se jkollha tiffaċċja. 

Kollox beda sentejn ilu meta f’lejl partikolari, waqt l-irqad, qalbha bdiet tħabbat tgħaġġel ħafna tant li qamet maħsuda u ma tafx x’inhu jiġrilha. Minn omm li rabbiet b’suċċess żewġt itfal waħidha u f’impjieg bħala uffiċjal tas-sigurtà fl-ajruport, li għalih kienet dejjem tmur bi ħġarha, Josette spiċċat tissielet mard mentali li wasal biex kien anke kien ta’ theddida serja għal ħajjitha.

Din iż-Żejtunija qalet lil dan il-ġurnali kif ta’ 17-il sena hija kellha l-ewwel wild u sena wara, it-tieni tarbija. Sentejn wara hija sseparat imma minkejja dan, qatt ma kellha problemi kbar bħal dipressjoni, biżgħa, ansjetà jew solitudni. Iżda, ħajjitha nqalbet ta’ taħt fuq proprju f’perjodu mhux mistenni meta bdiet tbati minn ħafna tensjoni u ansjetà. 

“It-tfal qatt ma tawni inkwiet u llum il-ġurnata ħadu l-istat tagħhom. Il-problemi għalija bdew meta bdejt inqum bil-lejl fl-4.00 ta’ filgħodu b’qalbi tgħaġġel ħafna. Ma kien ġrali xejn partikolari ħlief din li nqum hekk. Kien għalhekk li mort għand it-tabib tal-familja u tani pilloli apposta għall-ansjetà. Dan għax minħabba dawn l-attakki, bdejt nibża’ mill-ġurnata,” spjegat Josette.

Leħen f’moħħa jeqridilha biex tieqaf tgħix

Ġara però, li l-kundizzjoni tagħha marret għall-agħar tant li waqgħet f’dipressjoni. “Bdejt nibża’ niffaċċja l-ħajja ta’ kuljum u kelli ħsibijiet koroh li qabel qatt ma kienu jiġuni. Inti tqum filgħodu u tibda l-ġurnata, imma jien bdejt nibża’ mill-ġurnata, mill-fatt li rrid immur għax-xogħol, li nsajjar, li mmur nixtri… Dawn l-affarijiet bdew ibeżżgħuni,” irrakkontat Josette.

Din il-mara kienet tqum fl-4.00 filgħodu mwerwra li se jsiru s-6.00 u li trid b’xi mod tiffunzjona normali. Għaliha, dan l-istat kien qisu għejja f’moħħha. Eventwalment la bdiet tqum mis-sodda u lanqas tinħasel. Iżda l-agħar ħaġa li bdiet issofri minnha u kważi kisritha, kien leħen li bdiet tisma’ f’moħħha li kien il-ħin kollu jgħidilha biex tieqaf tgħix u biex tagħmel suwiċidju.

“Il-ħin kollu jtambar ‘Josette ma tistax tgħix aktar’. Moħħi kien il-ħin kollu jewden u kienu jgħadduli mitt elf ħsieb biex intemm ħajti,” stqarret din il-mara. Wara xahrejn li bdiet tesperjenza dawn l-affarijiet it-tabib tal-familja bagħatha għand psikjatra fejn bdiet kura ta’ 24 pillola kuljum. 

Il-leħen malinn li kien jistupralha ħsibijietha, tant kien idejjaqha li darba minnhom Josette qabdet il-bott tal-pilloli u belgħet ħafna minnu. Hija waslet f’punt li kienet tippreferi tmut milli tiffaċċja u tibda l-ġurnata tagħha bħal kull wieħed u waħda minnha. 

Il-mara saħqet li f’dan il-perjodu kellha biżgħa kbira u dan minkejja li kienet tgħix f’ambjent ta’ familja u qatt ma kellha problemi simili jew relatati. Spjegat kif din il-kundizzjoni, fl-opinjoni tagħha, “ma kellhiex taqbadni issa. Iktar forsi meta kont żgħira… L-unika spjegazzjoni hija li marad il-moħħ”.

Hawnhekk hija żiedet tgħid li waħda mid-djanjosi possibbli kienet dik li jista’ jkun li hija bi polari u fil-fatt ingħatat kura mmirata għal din il-marda wkoll.

“Li tħossok bla ħajja hija kerha”

Fl-ewwel attentat fuq ħajjitha, Josette ma kien ġralha xejn iżda kien hemm it-tieni wieħed fejn hija spiċċat fit-Taqsima tal-Kura Intensiva (ITU) tal-Isptar Mater Dei. It-tieni att iddisprat fuq ħajjitha Josette għamiltu xahar wara fejn din id-darba marret oltre bl-iskop li tirnexxi f’dak li riedet, jiġifieri li ma tqumx biex tiffaċċja jum ieħor. 

Hija qalet li f’dak il-mument ikrah kull ma kellha f’moħħha huwa li tirnexxi u tmut. “Moħħi kien mifqugħ b’modi ta’ kif nista’ nagħmel biex inweġġa’ lili nnifsi. Ma kien jinteressani minn ħadd ħlief li neħles. Kelli dwejjaq kbar li issa lanqas nista’ nesprimihom,” kompliet tirrakkonta. 

Fit-tieni attentat sabitha bintha. Din mill-ewwel ħadet azzjoni biex ommha tittieħed b’emerġenza l-isptar. Josette ddaħħlet fl-ITU mitlufa minn sensiha u damet hemm għal tlett ijiem. Qalitlna kif, “ma niftakar xejn u sirt naf li kont rikoverata għal tlett ijiem għax qaluli t-tfal. Meta ħassejtni ħa mmut ħassejt biżgħa kbira għax dik li tħossok bla ħajja hija tassew kerha. Ħassejtni debboli u ħa mmut. Dak il-ħin il-mewt ħassejtha.” 

Meta mbagħad hija bdiet tiġi f’tagħha, bdiet xi drabi tkun konxja ta’ min kien imur jaraha u tiftakar kif kulħadd kien ikun ħdejha jibki. 

“Għalija seħħ miraklu!”

Josette ħarġet mill-isptar Mater Dei u marret f’Monte Carmeli. Hija tiftakar kif fiżikament ma kinitx tħossha sewwa fosthom problemi ta’ inkontinenza u dwejjaq kbar. “Niftakar kif mill-isptar ħaduni Monte Carmeli. Imma, għalkemm ħriġt mill-ITU moħħi baqa’ jewden u lit-tfal kont ngħidilhom li xorta xtaqt li nieqaf ngħix. Ma kinitx faċli biex noħroġ minnha, tant li għalija seħħ miraklu,” sostniet Josette.

Ġara li hawnhekk din il-mara bdiet tara nies bħalha u anke bdiet tiftaħ qalbha magħhom. Wara xi żmien tant ħassitha komda fl-ambjent li bdiet tippreferi li toqgħod hemm milli tirritorna d-dar. “Iltqajt ma’ persuni li jaraw il-ħajja kerha u jibku. Kien jaqbadna biki mix-xejn, niċċassaw u npejpu ħafna. Naraw kollox ikrah. Li rajt dan u li titkellem, kif ukoll il-kuraġġ li jagħtuk l-infermiera u t-tobba, jgħinek ħafna. Kienu anke żieduli l-pilloli. Ommi, it-tfal u ħuti kienu jiġu jarawni. Kelli koperazzjoni kbira tant li mbagħad qisu bdejt niġi f’tiegħi,” qalet Josette.

Hija bdiet tħossha aktar kalma u tistenna bi ħġarha li jmorru jżuruha. Wara xahrejn f’Monte Carmeli Josette ħarġet però, meta kienet irritornat id-dar u ħsibijiet koroh ma kellhiex, hija ma kellhiex entużjażmu għall-ħajja. Minkejja li kienet tippjana minn ġurnata qabel x’se tagħmel l-għada, xorta waħda kienet tispiċċa tqatta’ l-għada tiċċassa. F’dan il-perjodu hija kompliet bil-kura u tara psikjatra privat. 

Imbagħad, aktar ma beda jgħaddi ż-żmien aktar bdiet tħossha tajba u dan sakemm jum minnhom ħajjitha reġgħet inbidlet u din id-darba b’mod pożittiv ħafna. “Kont ferħana għax erġajt qbadt ir-rutina. Id-dwejjaq u l-biżgħa telqu f’daqqa. Dan seħħ disa’ xhur ilu u llum il-ġurnata ma nieħu ebda pilloli,” qalet b’sens ta’ rebħa Josette. 

L-imħabba li rajt f’wiċċhom ġabitni f’sensija

Mistoqsija x’taħseb li wassal għall-fejqan tagħha, din l-eks pazjenta stqarret li hija stess m’għandhiex tweġiba. Josette waqfet ftit taħseb u mbagħad qalet li, “naħseb li s-sigriet huwa l-imħabba li rajt mill-familja. Kont narahom jinkwetaw għalija u l-imħabba li kont nara f’wiċċhom ġabitni f’sensija. Imn’alla kienu huma għalija għax kieku ma nafx x’kien jiġri minni. Kelli għajnuna kbira minn uliedi, mill-ħaddiema soċjali u mill-istaff ta’ Monte Carmeli.” 

Hija wissiet li l-konsegwenzi ta’ wara sitwazzjoni bħalma għaddiet minnha hija, m’humiex faċli. Hija kienet timxi u taqa’ għax għamlet ħsara f’moħħha u kienet tbati minn għejja ma’ kull erba’ passi. Però, Josette tisħaq li hija kienet timpika magħha nnifsiha u tagħmel pass pass, jum wara l-ieħor. 

“Jekk kont infalli l-mira, l-għada kont nerġa’ nipprova u meta kien jirnexxieli, kont inkun ferħana. Ġo moħħi bdejt napprezza l-ħajja u llum il-ġurnata naraha aktar sabiħa mingħajr ma nieħu xejn for granted. Issa sirt napprezza aktar il-ħajja u nipprova nagħmilha sabiħa. Nagħmel minn kolllox biex ikolli sodifazzjon bija nnifsi,” spjegat din il-mara.

Issa Josette ilha madwar disa’ xhur tgħix ħajja normali bla pilloli. L-esperjenza tagħha hija xhieda ta’ kemm il-bniedem m’għandux jaqta’ qalbu meta jgħaddi minn problemi ta’ mard mentali.  “Il-mard mentali jista’ jitfejjaq u jista’ jkun li persuna tibda tapprezza l-ħajja aktar minn qabel. Qabel ma ġrali dan kollu, għalija ġurnata kienet tiġi u tgħaddi qisu m’hu xejn imma llum il-ġurnata naraha bħala grazzja. Dan huwa l-kuraġġ li rrid ngħaddi lil ħaddieħor. Taqtgħux qalbkom għax jista’ jkun li tiġi ġurnata u jitlaq kollox. Il-moħħ jerġa’ jiġi jaħdem normali għax jien naf kif kien tiegħi… Tiegħi ma kienx qiegħed jaħdem sewwa”.  

Josette qiegħda taqsam l-inkwiet li għaddiet minnu fuq il-midja għax tixtieq li tgħin bl-istorja tagħha. Tisħaq li l-mard mentali huwa ikrah imma hemm tama. Issa li l-maltemp kollu għadda, hija tixtieq li tibqa’ tgħix tajba kif inhija bħaliss – ‘il bogħod mill-marda, li tkompli tapprezza l-ħajja, kif ukoll li tgawdi u toħroġ fil-kumpanija tal-qraba u l-ħbieb li tant tħobb. 

Share With: