Kaċċa

Miktub minn Benny Borg Bonello

Il-ġimgħa li għaddiet inqalgħu żewġ kontroversji f’dan is-settur.  Qabel ma nibda fuqhom, tajjeb li ngħid fehemti fuq il-kaċċa biex nuri l-bias li għandi.  Bħal ma ġieli ktibt, kulħadd għandu bias.  Dan il-bias jista’ jiġi minn ħafna fatturi.  F’dan il-każ, il-bias tiegħi ġej fuq dan il-prinċipju li ser insemmi.

Induru kemm induru mal-lewża, kulħadd ikollu jammetti li r-riżultat tal-kaċċa hu l-qtil tal-għasafar.  Irridu nammettu wkoll li l-għasafar huma annimali daqs l-annimali l-oħra.  Biss f’Malta u għall-Maltin mhux hekk.  Filwaqt li niddefendu u nieħdu ħsieb l-annimali l-oħra, l-għasafar mhux importanti għaliex fir-referendum li kien sar, il-Maltin iddeċidew li nżommu l-kaċċaturi kuntenti hu aktar importanti milli nħarsu n-natura.  

Kontroversja nqalgħet meta wara r-reazzjoni tal-Kummissarju tat-Tfal u l-Kummissarju tal-Ħarsien tal-Annimali fejn qablu mal-kampanja tal-BirdLife biex it-tfal u żgħażagħ ikunu projbiti li jakkumpanjaw il-kaċċaturi.

Bħala reazzjoni ta’ dan il-President tal-CIC, George Aman kiteb lill-Prim Ministru biex ninkoraġġixxu u mhux nipprojbixxu liż-żgħażagħ lejn il-kaċċa!  

Fost l-argumenti li ġab, skont dak li xxandar, semma li ż-żgħażagħ għandhom dritt jitgħallmu ‘il-kultura u t-tradizzjoni’ tal-kaċċa.  Nibdew mill-kultura.  Il-kultura li hemm fil-kaċċa mhi xejn għajr il-qtil tal-annimali.  Tajjeb li nkabbru l-kultura (!) tal-qtil? Tajjeb li nkabbru l-kultura(!) li neqirdu parti min-natura sempliċiment biex nieħdu gost aħna? Possibli l-kaċċaturi ma jistgħux isibu mod kif jieħdu gost mingħajr ma joqtlu l-għasafar?

Niġu issa għat-tradizzjoni.  Għax xi ħaġa kienet issir qabel, għandna nżommuha u nippriservawha?  Jekk din ma tkunx ta’ ħsara, ma narax li għandna nneħħuha.  Biss jekk din tagħmel il-ħsara u llum nistgħu ngħaddu mingħajrha ma nistax nifhem għaliex għandna nżommuha.  Fl-antik, il-kaċċa forsi kienet importanti biex xi nies ikollhom x’jieklu.  Biss illum dan m’għadux bżonn għax ikel hawn biżżejjed għal kulħadd.  Nieħu eżempju biex nuri li l-bniedem meta jsib metodi aħjar, dejjem jaqleb għal dawn il-metodi ġodda.    Qabel ma kellna d-drenaġġ, konna narmu l-fdalijiet li jħalli ġisimna barra.  Dak iż-żmien ma kienx hemm għażla, jekk konna rridu nħallu d-dar tagħna mingħajr l-irwejjaħ tad-drenaġġ u l-mard.  Biss illum li għandna d-drenaġġ, għandna nkomplu narmu dawn l-affarijiet barra, biex inżommu t-tradizzjoni?!  L-istess il-kaċċa.

Semma wkoll li hu importanti li ż-żgħażagħ tagħna ma jankrawx ruħhom mal-computer u joħorġu barra.  Naħseb li kulħadd jaqbel ma’ dan.  Imma ma jfissirx li biex isir dan, irridu nġegħluhom joqtlu l-għasafar.  Faċilitajiet għall-isports illum għandna kullimkien u għalhekk hemm ħafna affarijiet oħra x’jistgħu jagħmlu ż-żgħażagħ tagħna milli joqtlu l-għasafar.  Anki għal dawk li jħobbu jisparaw hawn faċilitajiet biex jagħmlu dan mingħajr il-qtil.

Allura, jekk għandna dawn il-faċilitajiet kollha, għalfejn għandna nkomplu nkabbru ‘l-kultura’ (!) tal-qtil tal-għasafar?

Cannabis

L-aħħar li ktibt, qajjimt numru ta’ mistoqsijiet dwar ċertu effetti li jista’ jkun hemm jekk dak li kien hemm fil-White Paper iseħħ.  Bħal ma ktibt jekk dik il-problema tissolva, ma hemm xejn li jżomm milli l-proposti jseħħu.  

Il-problema li semmejt kienet, kif nistgħu nħarsu l-interessi tal-konsumaturi li jkunu qed jinqdew minn nies li jkunu qed jieħdu l-Cannabis.  Ir-raġuni hi li l-interessi tal-konsumaturi jistgħu jitmissu jekk min ikun qed jagħti servizz ikun taħt id-droga.  Meta din il-persuna mhux qed tagħti servizz, l-interessi tal-konsumaturi ma jitmissux.

Biss il-ġimgħa li għaddiet kien hemm pass fis-settur tal-pulizija li jekk jiġi applikat fuq kull min ikun qed jagħti servizz, il-problema tissolva.  

Il-ġimgħa li għaddiet, il-Ministru Byron Camilleri ħabbar li ser jibdew isiru testijiet għal għarrieda biex jassiguraw li l-pulizija waqt li jkunu qed jagħtu servizz, ma jkunux taħt l-effett ta’ droga jew alkoħol.  Dan kien pass importanti biex nassiguraw li s-servizz li jkunu qed jagħtu l-pulizija – servizz li jkun qed jipproteġi liċ-ċittadini – ma jkunx imbagħbas b’dawn l-affarijiet.  Hekk inkunu qed nassiguraw l-aħjar servizz u servizz ġust.

Jekk dan il-pass jiġi applikat fis-setturi l-oħra, allura l-problema tissolva għaliex dak li jkunu qed jagħmlu dawn l-individwi ma jkunx ta’ ħsara lill-konsumaturi.  

Biss biex din il-ħaġa tirnexxi ikun hemm bżonn li titwaqqaf istituzzjoni li taħdem indipendentament u li tiddeċiedi kuljum min għandu jiġi ttestjat.  Il-metodu li jintgħażlu dawk li jkunu ser jiġu ttestjati għandu jkun pubbliku biex l-affarijiet ikunu trasparenti.

Jekk isir hekk, fil-fatt, l-affarijiet ikunu ħafna aħjar mil-lum.  Ir-raġuni hi li taħt is-sistema tal-lum, passi jittieħdu biss jekk ikun hemm suspetti qawwijin li dak li jkun qed jagħti servizz ikun taħt l-influwenza tad-droga. Barra minhekk inkunu qed inħarsu l-prinċipju li kull persuna għandha dritt li tagħżel kif tgħix basta ma tmissx l-interessi ta’ ħaddieħor.

Vouchers

Il-Gvern beda jqassam il-vouchers għal dawk li huma ’l fuq minn sittax-il sena.  Dan hu pass importanti għaliex hu imbottatura ’l quddiem għal ħafna negozji biex jerġgħu jirrankaw ekonomikament.  Barra dan, dawn il-vouchers, mhux biss qed jgħinu lill-konsumaturi jerġgħu jieħdu kunfidenza biex jerġgħu jibdew jgħixu l-ħajja simili ta’ dik ta’ qabel il-pandemija, iżda wkoll qed tgħinhom finanzjarjament.  Irridu niftakru li familja ta’ erbgħa ser tirċievi 400 euro.

L-idea tal-vouchers kienet waħda tajba ħafna għall-ekonomija għaliex wieħed irid jiftakat li ħafna nies meta jużaw il-voucher ġeneralment jonfqu aktar mill-voucher.  Dan ikompli jkabbar l-ekonomija.

Biss il-gvern mhux sempliċiment reġa’ rrepeta dak li kien għamel is-sena l-oħra, iżda żviluppa s-sistema minn żewġ aspetti.  L-ewwel aspett hu dak li dawn il-vouchers ser jiġu mifruxa fuq aktar negozji barra li huma mqassma f’ammonti ta’ flus iżgħar biex jerġa’ jkabbar il-firxa tal-infiq.  

It-tieni aspett hu dak li n-nies din id-darba jistgħu, jekk iridu, jirċevuhom  u jużawhom b’mod diġitali.  Dan qed jagħti opportunita’ lil aktar nies biex jersqu aktar lejn id-dinja diġitali – triq li qabdet id-dinja kollha.  Imma, b’daqshekk, xorta qed jagħti ċans lil dawk li mhux daqshekk avvanzati fil-qasam diġitali biex xorta jieħdu u jużaw il-vouchers b’mod tradizzjonali.  Din id-darba minħabba il-faċilita’ diġitali, nisperaw li l-posta ma ddumx ma tqassamhom bħal ma għamlet l-aħħar darba.

Bħal ma ktibt, aktar ma jgħaddi ż-żmien aktar ser nidħlu fid-dinja diġitali u ż-żgħażagħ u t-tfal tagħna ser jgħaddu ħafna mill-ħajja tagħhom ‘online’.  Id-dinja diġitali, bħal kull ħaġa oħra, għandha l-perikli tagħha, biss aktar ma nidraw nużawha aktar nidraw li nużawha b’mod aktar sigur. 

Share With: