Jum il-Ħaddiem

Minn Benny Borg Bonello

Fl-ewwel ta’ Mejju niċċelebraw Jum il-Ħaddiem.  Bħal kull Jum ieħor, Jum il-Ħaddiem inħoloq minħabba li l-ħaddiem ftit li xejn kellu drittijiet.  Bil-ħila tagħhom il-ħaddiema ngħaqdu u ħolqu l-unions.  Kien pemezz ta’ hekk li l-ħaddiem kiseb id-drittijiet li għandu llum. 

Ftit huma dawk li llum jirrealizzaw li l-ħaddiem beda bl-istess drittijiet ta’ skjav – bla drittijiet.  Ftit huma dawk li jistgħu jimmaġinaw dan illum.  Biss hekk kien.

Meta wieħed jara d-drittijiet li għandu llum, il-mistoqsija toħroġ waħedha –  illum għad għandna bżonn niċċelebraw dan il-Jum.  Illum għad għandna bżonn il-unions speċjalment meta ħafna mid-drittijiet li nkisbu tul iż-żmien illum insibuhom fil-liġijiet?

Ftit nies jirrealizzaw li l-ekonomija qed tiżviluppa kuljum u b’hekk qed tinbidel kuljum.  Jekk nieħdu l-pandemija, daħħlet il-ħaddiem f’ambjent ġdid għaliex illum għandek ħafna ħaddiema li jaħdmu d-dar.  La nbidel l-ambjent inbidlu ċ-ċirkostanzi. 

Għandu l-imprenditur li qed iħaddem numru ta’ ħaddiema jkun jaf jekk hux qed jagħtuh dak li daħlu għalih?  Naħseb li kulħadd jaqbel.  Il-problema tqum kif ser isir dan.  Ir-raġuni hi li filwaqt li min iħaddem għandu dan id-dritt ma jfissirx li dan għandu jidħol fil-ħajja privata ta’ dak li jkun sakemm din ma tkunx ta’ detriment għall-kumpanija.  U hawn għad għandna baħar miftuh. 

Hu tajjeb li nħarsu kif ippruvaw isolvu dawn il-problemi f’pajjiżi oħra.  Biss irridu noħolqu metodi li huma addattati għalina skont iċ-ċirkostanzi tagħna.  U hawn hi l-akbar sfida li għandu l-ħaddiem li filwaqt li jara li qed jagħti s-servizz li qed jitħallas għalih, irid jipproteġi drittijietu.   

Għalhekk nemmen li dan il-Jum għadu importanti.  Mhux biss biex naraw minfejn telaq il-ħaddiem iżda rridu naraw l-ambjent li qed jinħoloq u kif nistgħu nsibu soluzzjoni li tkun tajba sew għal min iħaddem u sew għal min jaħdem. 

Mhix biċċa xogħol żgħira.  Biss jien ċert li l-ħaddiem permezz tal-unions tiegħu jista’ jsib soluzzjonijiet li jipproteġulu wkoll id-drittijiet tiegħu f’dinja differenti.

28 ta’ April 1958

Dan il-jum għal dawk li ma kienux għexu din il-ġrajja, l-impressjoni li għandhom hi biss dik li jpinġu l-kotba tal-istorja – li din kienet ġrajja vjolenti politika, waħda minn dawk li kien jaf jorganizza l-PL f’dawk iż-żminijiet. 

Ir-raġuni hi li ħafna mill-kittieba kull ma jħarsu hi biss min-naħa tas-sitwazzjoni politika ta’ dak iż-żmien ħafna drabi bbażata biss fuq kitbiet.  Din hi ħasra għaliex sors importanti – in-nies li kienu jgħixu dak iż-żmien – ħadd ma jagħti kashom.  Hi ħasra għaliex dan is-sors għadu magħna iżda dalwaqt jintemm għaliex il-bniedem ma jistax jgħix għal dejjem.

Għalija din il-ġrajja trid taraha minn diversi postijiet.  Il-ġlieda politika hi importanti, imma trid tara wkoll min-naħa ta’ min kien fil-qalba ta’ dak li seħħ.  Trid tara wkoll min-naħa taċ-ċittadini l-oħra wkoll.  Min-naħa politika hi xi ħaġa sempliċi sa ċertu punt għaliex il-ġurnali Maltin minn dejjem kienu jagħtu kas ħafna dan l-angolu.  Wieħed irid jara wkoll min-naħa tal-ħaddiema li ħadu sehem.  Wieħed irid jiftakar li dawn kellhom theddida kontinwa dak iż-żmien għaliex il-Gvern Ingliż kien moħħu biss biex jonfoq l-iċken ammont ta’ fondi f’Malta u għalhekk beda jnaqqas il-ħaddiema tat-Tarzna bl-addoċċ.  Il-ħaddiem tat-Tarzna ma kienx jara biss il-futur tiegħu u tal-familja tiegħu mhedded iżda l-ħaddiema kienu jiftakru li ftit ta’ snin qabel il-ħidma tagħhom mhux biss kienet fi gwerra, iżda huma kienu jaħdmu f’zona l-aktar milquta minn air raids kontinwi.  Ħajjiethom kienet mhedda ‘l ħin kollu tul il-gwerra u wara l-gwerra ġew stmati ta’ ħaddiema żejda.

Wieħed irid jara wkoll min-naħa tal-unions li f’dak il-perjodu ta’ żmien kienu mhedda għaliex kienu ġew impinġija bħala ‘trouble makers’ u mhux bħala difensuri tal-ħaddiema.

Ftit nafu min-naħa taċ-ċittadini l-oħra kif kienu għaddew dan il-perjodu.  Jien, dak iż-żmien kont ngħix il-Belt.  Kont għadni tifel ta’għaxar snin.  L-esperjenza tiegħi ta’ dak iż-żmien ma kinitx waħda kerha ħafna peress li missieri ma kienx jaħdem it-Tarzna u għalhekk it-theddid fuq il-futur ma kienx hemm.  Imma niftakar kemm il-pulizija ma kienux ħelwin ma’ kulħadd. 

Niftakar li tul id-dimostrazzjonijiet ta’ qabel dan l-istrike, ma konniex nistgħu nitilgħu lejn Strada Rjali (Triq ir-Repubblika) minħabba t-tensjoni.  Niftakar li kont irrid ngħaddi minn qalb il-kavallerija li kienet tkun ħdejn l-Auberge d’Aragon (fuq il-Palma) biex immur l-iskola tal-Baviera.  Ma kinitx esperjenza sabiħa għax il-pulizija ma kienux ħelwin lanqas mat-tfal. Niftakar ukoll li darba minnhom tlajt Strada Rjali u waqaft inħares lejn l-armatura tal-ħanut Vee Gee Bee.  F’daqqa inħoss għafsa ġo nofs dahri u meta ħarist lura nsib pulizija bil-lembuba ma’ dahri u qalli biex nibqa miexi u ma nieqafx.  Issa din l-attitudni ntużat ma’ tifel aħseb u ara kif kienu jistmaw lill-kbar.

Il-pulizija kienu provokattivi.  Wieħed ma jridx jinsa li dawn kienu taħt de Gray u dan lil dawk il-pulizija li kellhom tendezi Laburisti kien kollha jitfaħħhom ġo xi raħal biex la jkollhom influwenza u lanqas ċans li jtejbu il-pożizzjoni tagħhom fil-korp. 

Għalija dan l-istrike nazzjonali wera li l-ħaddiem Malti kien qed jara li jekk ma jiddefendix ruħu hu, ħadd ma kien ser jiddefendih, iżda kien qed jara wkoll li jekk rgħajna ma tkunx f’idejna u nibqgħu kolonja, mhux ser ikollna futur sabiħ.  Il-ħaddiem ittenda li l-futur tiegħu ikun sigur biss jekk rajh ikun f’idejh – xi ħaġa li l-poplu nesa fid-90ijiet.

Il-Parlament Ewropew ikompli jħammeġ lil Malta

Għada kemm għaddiet riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew kontra Malta.  Dawn l-affarijiet iqajmuli ċertu mistoqsijiet.  Għalfejn qegħdin hemm il-MEPs li qed jitħallsu mijiet ta’ eluf mit-taxxi tagħna biex jaraw li l-kwalita’ tal-ħajja tan-nies titjieb jew biex inġibu pajjiżna għarkupptejh?  Illum veru għadna indipendenti?   Bħala pajjiż għandna dritt li nmexxu pajjiżna kif irridu aħna, jew illum erġajna ġejna kolonja?  Proprjament agħar minn kolonja, għax lanqas meta konna kolonja qatt ma konna niġu insultati bħala pajjiż.

Share With: